Gżira Athleta jegħlbu lil Hibs u c-Champions jibdew b’rebħa kbira

Tuesday, November 28, 2017, 13:10

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 76

Hibernians 70

(26-21)(14-14)(19-14)(17-21)

Ftit anqas minn xahar wara li kienu ltaqgħu fil-logħob tas-shield, Gżira Atletha u Hibernians iltaqgħu fil-partita li fetħet il-kampjonat Bank of Valletta għal dan l-istaġun. Fl-ewwel partita ta’ bejniethom kienu Hibs li ħarġu rebbieħa 77-56 però  minn dak in-nhar, Athleta kellhom inqas logħob u aktar ċans jamalgamaw ma xulxin u anke biddlu l-Amerikan. F’din il-partita mill-isbaħ, Athleta ħarġu rebbieħa 76-70 b’wirja tajba tal-Amerikan il-ġdid tagħhom Jonathan Feiler però anke Omar Said, Peter Shoults u Michael Naudi kellhom partita tajba. Ankè ż-żagħżugħ Nathan Xuereb kien posittiv fil-ħin li kien fuq il-court. Minn naħa tagħhom, Hibs bħas-soltu kienu solidi fuq ġewwa bid-duo Chad Patus u Alvaro Lizaur però l-players l-oħra kienu kkontrollati tajjeb mid-difiża tal-Athleta. Hibs bdew tajjeb fejn għal ħin twil kienu fuq quddiem fl-ewwel taqsima bit-three pointers ta’ Patus u Lizaur li kellhom bidu posittiv ferm. Feiler ukoll kellhu bidu posittiv u trippla tiegħhu fetħet run ta’ 12-3 minn Athleta lejn tmiem l-ewwel sessjoni biex temmewha 5 minn fuq 26-21. Fit-tieni perjodu Hibs bdew jiġru wara l-avversarji, xi ħaġa li għamlu tul il-partita kollha mingħajr qatt ma rnexxielhom jerġgħu jieħdu vantaġġ. Athleta kellhom run ta’ 9-2 biex fetħu vantaġġ ta’ 8 punti f’nofs is-sessjoni 35-27. Hibs kellhom trippla oħra ta’ Patus però l-istess għamel Omar Said biex Athleta kienu 40-35 minn fuq fil-halftime.

Wara l-intervall, Hibs naqqsu d-distakk għal basket għal diversi drabi hekk kif iż-żewġ timijiet bdew iwieġbu lil xulxin. Athleta kellhom mument tajjeb bi tlett three pointers minn Ivan Mitrovic u Xuereb u fetħu distakk ta’ 10 punti 59-49. Fl-aħħar perjodu, Hibs bdew bi three pointer ta’ Roderick Vella u punti ta’ Lizaur bir-risposta ta’ Athleta wkoll tasal minn three pointers permezz ta’ Said u Shoults. Hibs waslu sa’ tlett punti ‘l bogħod mill-avversarji wara run ta’ 7-2 minn Patus u Anton Axiaq. Hibs ppruvaw iwaqqfu l-arloġġ però Feiler u Naudi għamu l-aħħar free-throws biex Athleta rebħu l-partita 76-70.

Gzira Athleta: M. Naudi 9, B. Zammit, N Xuereb 6, K. Baldacchino 2, P. Shoults 13, F. Mifsud Bonnici, O. Said 17, L. Stefanovic, S.Saakian, S. Vincic, I. Mitrovic 5,J. Feiler 24.

Hibernians: R. Vella 6, P. Attard, K. Sultana, L. Farrugia 2, S. Attard, I. Bonett, K. Caruana, A. Axiaq 4, M. Matijevic 6, A. Lizaur 21, F. Mariani 2, C. Patus 29.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Nicky Azzopardi

Starlites GIG 83

Bupa Luxol 125

(15-33)(18-24)(26-31)(24-37)

Ic-champions Bupa Luxol bdew jiddefendu t-titlu b’rebħa kbira fuq Starlites GIG 125-83. Kif juri l-iskor, Luxol kellhom wirja mill-aqwa fl-attakk speċjalment Nikola Vasovic li kellhu total ta’ 46 punt flimkien mal-34 li għamel William Ahlberg. Starlites kellhom nieqsa lil Shawn Pace u Sean Borg u ħassew in-nuqqas tagħhom hekk kif l-attakk kien dipendenti ħafna fuq l-Amerikan Mitchell Brew b’total ta’ 39 punt. Madankollhu, l-coach ta’ Starlites Nedelyco Ninkovic approfitta minn nuqqas ta’ players u nkluda diversi players żagħżagħ fejn ukoll ħallijhom fuq il-court għal ħin sostanzjali. Wara bidu bilanċjat b’żewġ baskets fuq kull naħa, Luxol bdew bl-ewwel run qawwija tagħhom ta’ 15-4 bi trippla ta’ Ahlberg u marru 19-7 minn fuq. Starlites wieġbu bil-punti ta’ Brewe u Alec Felice Pace però Luxol  għal darb’oħra kellhom it-trippli minn Ahlberg u Vasovic flimkien ma’ Jean Paul Schembri għal skor ta’ 33-15. Fit-tieni perjodu, Starlites żammew il-pass mall-avversarji però fl-attakk kien biss Brewe li kisbe il-punti. Luxol ukoll kellhom il-punteġġ limitat għal żewġ players fl-ewwel ħinijiet b’Vasovic jagħmel żewġ trippli konsekuttivi. L-Amerikan Kyle Meyer ukoll għamel trippla biex fl-intervall, Luxol kienu 57-33 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni, ic-champions kellhom bidu ieħor qawwi13-3 b’Vasovic ikompli jżid il-punteġġ tiegħhu flimkien ma’ Keith Dimech u Stefan Cappello. Starlites waqqfuhom bi trippla ta’ Mirco Azzopardi flimkien ma’ Brewe u Robert Bonnici. Il-punti komplew ġejjin b’mod regolari fuq iż-żewġ naħat hekk kif Ahlberg kellhu baskets kontinwi għal Luxol li tennew it-taqsima 88-59 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni kien Vasovic li għaqqad il-mitt punt bi three pointer u komplew ukoll it-three pointers ta’ CJ Cordina. Luxol temmew il-partita bil-punti ta’ Cappello u Vasovic biex ħarġu rebbieħa 125-83.

Starlites GIG: I. Felice Pace 2, M. Azzopardi 5, R. Bonnici 13, A. Schembri 2, M. Scerri 2, M. Falzon, A. Felice Pace 4, R. Carabott 6, O. Psaila, N. Andrejevic 10, J. Wait, M. Brewe 39.

Bupa Luxol: CJ Cordina 8, M. Sojberg 3, N. Vasovic 46, JP Schembri 10, K. Dimech 9, W. Ahlberg 34, A. Micallef Trigona 3, K. Meyer 7, S. Capello 5.

Referees: Gordon Barbara, Emanuel Mangani, Jason Cole .





Leave a comment