Gżira Athleta jegħlbu lil Balkan Fusion

Tuesday, April 10, 2018, 17:30

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel 2 Diviżjoni

minn Colin Schembri

Balkan Fusion 80

Gżira Athleta 87

(22-24)(21-13)(16-23)(21-27)

Gżira Athleta taw it-tieni telfa fi spazju ta’ ftit jiem lil Balkan Fusion f’partita ta’ livell għoli fuq skor finali ta’ 87-80. Kif ġralhom fil-finali tan-Knock out, Balkan sofrew run deċisiva lejn tmiem il-partita li ma rnexxielhomx jirkupraw minnha. Fil-bidu tal-partita kienu Balkan li ħadu l-ewwel vantaġġ wara diversi punti minn Nicola Stankovic li beda l-partita tajjeb però naqqas mal-ħin. Athleta kellhom risposta permezz ta’ Albert Serra li għal darb’oħra kien l-aħjar player fil-court u kompla juri l-klassi tiegħhu. Punti minn Francesco Mifsud Bonnici għamlu l-iskor indaqs 15-15 però Balkan reġgħu feġġew fuq quddiem għal darb’oħra permezz ta’ Stankovic li kellhu wkoll three pointer. Hawn Athleta għamlu run ta’ 9-2 bil-punti ta’ Serra u Luca Stefanovic u għalqu s-sessjoni basket minn fuq 24-22. Fit-tieni perjodu, Balkan bdew bi trippla oħra ta’ Stankovic flimkien ma’ Bogdan Ilic però punti ta’ Serra u Joshua Aquilina ħallew lil Athleta fuq quddiem 33-29. Balkan irkupraw u kellhom mument tajjeb bi three pointers minn Ivan Kumric u Bogdan Mrkojevic u fl-intervall kienu 43-37 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni, Athleta fetħu bi trippla ta’ Stefanovic però Stankovic wieġeb għal Balkan biex ħallijhom 49-40 minn fuq. Athleta rrispondew b’run ta’ 11-0 fosthom trippla ta’ Nathan Xuereb u ż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin bi trippla ta’ Serra tara lil Athleta jiftħu vantaġġ ta’ punt fi tmiem il-perjodu 60-59. Fl-aħħar taqsima, kien Serra li bit-three pointers tiegħu ħalla lil Athleta fuq quddiem. Balkan kellhom il-punti minn Slavko Opojevlic u trippla ta’ Bogdan Mrkojevic biex naqqsu d-distakk għal punt 72-73. Hawn Athleta kellhom run finali ta’ 9-0 minn Mifsud Bonnici u Stefanovic u għalkemm Balkan ppruvaw jirkupraw b’żewġ trippli minn Mrkojevic u Zika Stankovic, Athleta żammew sod biex ħadu r-rebħa 87-80.

Balkan Fusion: N. Radicevic, M. Stjepanovic 4, B. Ilic 6, I. Kumric 6, S. Opojevlic 4, A. Perunicic 6, Z. Stankovic 6, B. Mrkojevic 15, N. Bukva, N. Stankovic 33.

Gżira Athleta: F. Mifsud Bonnici 11, C. Puccia, A. Serra 41, L. Stefanovic 22, M. Caruana Montaldo, N. Xuereb 5, J. Aquilina 1, B. Bartolo 2, S. Vincic 2, J. Ransley 3, M. Cilia.

Referees: Emanuel Mangani, Miklos Rajzki

Siġġiewi 84

 

Hibernians 86

(18-26)(25-15)(15-21)(26-24)

Siġġiewi u Hibs ukoll offrew partita nteressanti u ta skor għoli hekk kif fit-tmiem basket wieħed fired liż-żewġ timijiet fuq skor ta’ 86-84. Siġġiewi kellhom lura fit-team lil Keith Scicluna wara nuqqas ta’ diversi partiti però kien nieqes Roberto Alosco u rkupraw ukoll lil Hubert Agius. Għal Hibs irritorna Kieron Caruana i kien hu li fetaħ il-partita bi three pointer flimkien ma’ Kurt Sultana u Isaac Bonett f’run ta’ 10-0. Wara time-out, Siġġiewi tejjbu l-logħba tagħhom u kellhom l-ewwel punti minn Milan Nedic però Hibs komplew bit-three pointers ta’ Caruana u Paul Attard biex fetħu vantaġġ doppju ta’ 13 –il punt qabel ma’ Siġġiewi reġgħu wieġbu permezz ta’ Nedic u Jhun Lizandaur għal skor ta’ 26-18. Fit-tieni perjodu Siġġiewi kellhom bidu mill-aqwa hekk kif għamlu run ta’ 15-3 b’punti ta’ Scicluna, Omar Shamala, Hubert Agius u trippla ta’ Lizandaur u marru 33-29 minn fuq. Hibs wieġbu bi trippla ta’ Bonett però Siġġiewi għamlu break ieħor ta’ 8-2 bil-Hibs inaqqsu d-distakk mat-tmiem it-taqsima bi trippla ta’ Attard għal skor ta’ 43-41.

Wara l-intervall, il-vantaġġ kompla jinbidel fuq kull naħa għal diversi drabi hekk kif iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin. Hibs kellhom mument ieħor tajjeb b’sensiela ta’ three pointers minn players differenti hekk kif huma kellhom 17 –il trippla tul il-partita kollha. Siġġiewi wieġbu permezz ta’ Alex Novakovic u Nedic però Hibs kienu fuq quddiem 62-58. Fl-aħħar sessjoni Hibs kabbru l-vantaġġ għal 11 –il punt  wara punti minn Attard u Bonett. Siġġiewi ma ċedewx u rkupraw permezz ta’ sensiela ta’ baskets minn Novakovic u Agius. Hibs reġgħu żiedu d-distakk b’żewġ trippli ta’ Caruana u minkejja li Siġġiewi temmew il-partita b’run ta’ 7-2 ma kellhomx aktar ħin u Hibs ħadu r-rebħa fuq skor finali ta’ 86-84.

Siġġiewi: A. Novakovic 20, M. Nedic 14, J. Lisandaur 5, H. Agius 20,  M. Baldacchino 2, K. Scicluna 12, R. Camilleri, J. Carter, O. Shamala 13.

 

Hibs: K. Caruana 26, M. Formosa, K. Sultana 12, A. Galea, P. Attard 13, I. Bonett 20, J. Piscopo 6, M. Houmpton 6, R. Aquilina 1. M. Laferla 2.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Jennifer Mangani.

Luxol 68

 

Depiro 59

(18-13)(23-8)(14-23)(13-15)

Friski mir-rebħ tal-BOV Knock-out, Depiro sofrew it-tieni telfa konsekuttiva tagħhom fil-kampjonat għalkemm posthom fil-play-offs huwa diġa ċert. Luxol kienu mmexxija tajjeb ferm minn Vukassin Jandric li spiċċa l-partita b’40 punt fosthom 8 three pointers. Huma kellhom ukoll ir-ritorn tal-aħwa Caruana Montaldo u Keith Dimech però kienu nieqsa Juan Cefai u Juan Navarro. Il-partita bdiet bit-three pointers fuq iż-żewġ naħat b’Jandric jagħmel l-ewwel erbgħa tiegħu fl-waqt li Kurt Xuereb u Nicholas Grech irrispondew għal Depiro. Luxol komplew b’run ta’ 10-0 biex temmew l-ewwel perjodu 18-13 minn fuq. Fit-tieni taqsima, Luxol komplew bil-punti ta’ Dimech u Jandric hekk kif għamlu break qawwi ta’ 16-4 biex fetħu vantaġġ doppju 34-17. Depiro wieġbu bil-punti ta’ Grech u Jack Nygaard li kellhu bidu kwiet bil-Luxol jagħlqu l-perjodu b’ħames punti oħra mingħajr risposta biex daħlu jistrieħu 20 punt minn fuq 41-21.

Wara l-intervall Depiro tejjbu l-logħba tagħhom u megħjuna minn żbalji ta’ Luxol naqqsu d-distakk hekk kif bdew b’run ta’ 10-2 b’żewġ trippli minn Nygaard u Matthew Borg. Luxol finalment wieġbu permezz ta’ Jandric però Depiro komplew inaqqsu l-iżvantaġġ bi trippla oħra ta’ Nygaard. Luxol wieġbu b’ħames punti ta’ Jandric u Dimech għal skor ta’ 55-44. Fl-aħħar sessjoni Luxol reġgħu żiedu l-vantaġġ għal 15 –il punt wara three pointers minn Jandric u Dimech. Depiro tilfu lil Nygaard  bil-ħames foul però kellhom żewġ thre pointers minn Kurt Xuereb biex baqgħu viċin. Dimech kiseb trippla oħra għal Luxol u minkejja li Depiro wieġbu permezz ta’ Xuereb u Marko Zloh kienu Luxol li ħadu r-rebħa fuq skor ta’ 68-59.

Luxol: L. Caruana Montaldo 1, V. Jandric 40, I. El Gabaily, B. Caruana Montaldo, K. Dimech 15, C. Calleja 2, M. Sjoberg 4, A. Micallef 6, M. Steenkamer.

 

Depiro: E. Briffa , M. Brincat, M. Mallia, J. Nygaard 13, A. Attard 2, N. Grech 11, J. Camilleri, M. Debattista, M. Zloh 2, K. Xuereb 16, M. Borg 13, J.Vibe.

Referees: Nicky Azzopardi, Emanuel Mangani

Starlites GIG 63

Marvels Frank Salt 49

(16-8)(17-12)(21-16)(9-13)

Starlites GIG għamlu d-double kontra Marvels Frank Salt meta ħarġu rebbieħa 63-49. Iż-żewġ timijiet niżlu għal din il-partita bi 8 u 7 players rispettivament hekk kif Starlites ħadu l-okkażjoni li għal ħin twil jilgħabu bi players taħt id-19 –il sena li jinsabu fis-semi-finali tal-play-offs ta’ din il-kategorija. Starlites ħadu l-ewwel vantaġġ ta’ 12-4 wara bidu tajjeb bit-three pointers ta’ Isaac Pace u Ian Felice Pace. Marvels kellhom risposta b’żewġ baskets ta’ Quentin Bugeja u Darryl Pisani qabel ma Starlites għalqu t-taqsima bil-punti ta’ Julian Wait u Alex Xuereb għal skor ta’ 16-8. Fit-tieni perjodu, il-logħob kien aktar bilanċjat biż-żewġ timiijiet iwieġbu lil xulxin biex Starlites baqgħu fuq quddiem 25-20. Lejn tmiem is-sessjoni Starlites għamlu 8 punti mingħajr risposta permezz ta’ Matthew Scerri, Wait u Xuereb għal skor ta’ 33-20.

Wara l-intervall Starlites bdew japprofittaw minn diversi turn-overs ta’ Marvels u punti min Pace, Scerri u Wait rawhom iżidu l-vantaġġ għal 19 –il punt 49-30. Marvels kellhom il-punti minn Pisani qabel ma Starlites għalqu bi trippla ta’ Owen Psaila għal skor ta’ 54-36.  Fl-aħħar sessjoni l-andament tal-partita baqa’ l-istess għalkemm Marvels naqqsu xi ftit l-ammont ta’ blalen mitlufa u rnexxielhom inaqqsu l-iskor wara baskets minn Ruben Curmi u Christian Briffa. Starlites baqgħu jikkontrollaw il-vantaġġ sat-tmiem biex ħarġu rebbieħa 63-49.

Starlites GIG: O. Psaila 3, L. Vella, I. Felice Pace 5, M. Scerri 13, I. Pace 9, M. Vella 6, J. Wait 15, A. Xuereb 12.

 

Marvels Frank Salt: D. Pisani 14, R, Curmi 7, D. Verebies, A. Morris 2, C. Briffa 18, Q. Bugeja 6,  D. Borg 2.

Referees: Nicky Azzopardi, Emanuel Mangani

Klassifika Kampjonat BOV Tieni Diviżjoni

Team Logħob Rebħ Telf Punti Favur Kontra
Balkan Fusion

13

12

2

26

1107

724

Gżira Athleta

14

12

2

26

1169

894

Depiro

14

10

4

24

1077

904

Luxol

14

10

4

24

1032

941

Hibernians

14

8

6

22

898

992

Siġġiewi

15

6

9

21

923

1058

Startlites

14

4

10

18

856

1021

Marvels Frank Salt

15

1

14

16

772

1063

Victoria Libertas

14

1

13

15

695

932

 





Leave a comment