Gżira Athleta fis-semifinali

Monday, January 28, 2019, 18:53

Bank of Valletta Knock-out Irġiel 2 Diviżjoni

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 95

Siġġiewi 77

(24-20)(31-15)(32-15)(8-27)

Fl-uniku partita mir-round preliminari tal-BOV knock out tat-tieni diviżjoni, Gżira Athleta għelbu lil Siġġiewi 95-77 biex kisbu l-ħames rebħa fuqhom dan l-istaġun. Siġġiewi kellhom lura lid-duo Serbjan Alex Novakovic u Milan Nedic però kellhom nieqes lil Billy Zammit. Athleta wkoll kellhom xi tibdil fil-formazzjoni hekk kif Michele Laferla u Joshua Aquilina kienu neqsin però ġew lura Stefan Vincic u Jonathan Ransley. Il-koppja Matthew Gouder u Nathan Xuereb mexxew lit-team tal- Athleta f’din il-partita tant li bejniethom għamlu 55 punt mill-95 finali. Il-partita bdiet aktar minn 20 minuta tard minħabba li r-referee Malek Hraisha wasal tard. L-ewwel sessjoni kienet bilanċjata bil-vantaġġ jibdel l-idejn għal diversi drabi fejn wara li Athleta ħadu vantaġġ ta’ sitt punti, Siġġiewi ġew lura permezz ta’ Novakovic u Davide Bellinzona biex marru 19-17 minn fuq. Athleta rrispondew b’run ta’ 7-2 biex għalqu t-taqsima 24-20 minn fuq. Fit-tieni sessjoni kien hemm id-dominju tal-Athleta li bdew b’run ta’ 18-2 fosthom trippla ta’ Luca Stefanovic u diversi punti minn Xuereb, Gouder u Nicolo Guida. Siġġiewi waqqfuhom bi trippla ta’ Nedic però sal-intervall Athleta kienu diġa fetħu vantaġġ ta’ 20 punt 55-35.

Fit-tielet sessjoni Athleta fetħu vantaġġ ta’ 34 punt hekk kif Gouder kompla għaddej bil-punti tiegħu flimkien ma’ Ransley u Stefanovic fost l-oħrajn. Siġġiewi kellhom il-baskets ta’ Darryl Pisani però kienu għadhom ferm ‘l bogħod mill-avversarji hekk kif is-sessjoni ntemmet bl-Athleta 87-50 minn fuq. Kien biss fl-aħħar perjodu li Athleta konxji mill-vantaġġ qawwi li kellhom naqqsu r-ritmu u Siġġiewi approfittaw biex resqu aktar viċin. Fost l-oħrajn, huma kellhom runs ta’ 9-0 u 12-0 hekk kif Athleta kellhom ukoll diversi players żgħażagħ fuq il-bank. Id-distakk kien kbir wisq għal Siġġiewi li però rnexxielhom jagħmlu l-iskor aktar rispettabli hekk kif Athleta ħarġu rebbieħa 95-77.

Athleta: M. Gouder 33, N. Xuereb 22, L. Stefanovic 16

Siġġiewi: M. Nedic 22, D. Bellinzona 16, D. Pisani 13.

 





Leave a comment