- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Gżira Athleta fis-semi-finali wara żewġ rebħiet

Posted By sportinmalta1 On December 11, 2017 @ 4:32 pm In Basketball,Featured | No Comments

Tazza Louis Borg Irġiel

minn Colin Schembri

Cynergi Depiro 79

Gżira Athleta 85

(23-19)(22-14)(24-29)(10-23)

Fir-round preliminari tat-tazza Louis Borg Cynergi Depiro ltaqgħu kontra Gżira Athleta u kif jiġri f’din il-kompetizzjoni, il-partita kienet maqsuma fuq żewġ legs. Depiro bdew din il-partita mingħajr Kurt Xuereb li skonta t-tieni partita tas-sospensjoni u l-player Alvaro Qieros irritorna pajjiżhu. Atheta li rebħu l-ewwel żewġ partiti tal-kampjonat, kienu mingħajr Kristin Baldacchino. Il-partita ħadet svolta fl-aħħar sessjoni fejn wara minuta David Bugeja kellhu jħalli l-court wara t-tieni foul anti-sportiv u Athleta ħadu kontroll tal-partita. Ivan Mitrovic kellhu partita mill-aqwa b’seba’ three pointers biex patta għall-wirja kwieta tal-Amerikan Jonathan Feiler. Fuq in-naħa l-oħra, Dominic Scafidi kompla bil-mument posittiv tiegħu fejn spiċċa l-partita b’34 punt b’ħames three pointers, l-istess bħal Andrew Aquilina. Depiro bdew tajjeb u marru 12-7 minn fuq f’nofs l-ewwel sessjoni. Atheta naqqsu d-distakk b’żewġ three pointers ta’ Ivan Mitrovic però Depiro ġew lura bil-baskets ta’ Aqulina, Scafidi u Malcolm Mallia biex temmew it-taqsima 23-19 minn fuq. Fit-tieni sessjoni kienu Atheta li reġgħu resqu viċin permezz ta’ Mitrovic u Michael Naudi. Depiro wieġbu b’run ta’ 13-0 fejn Scafidi kellhu tlett three pointers biex fetħu vantaġġ ta’ 16 –il punt 42-26. Qabel l-intervall kien hemm three pointer iehor fuq kull naħa u żewġ baskets ta’ Feiler biex il-vantaġġ ta’ Depiro niżel għal 12 –il punt 45-33.

Wara l-intervall, Atheta bdew ir-rimonta tagħhom fejn wara li kien hemm żewġ baskets fuq kull naħa, huma komplew b’run ta’ 12-2 kollha minn Naudi u Mitrovic biex waslu sa’ 3 punti ‘l bogħod. Depiro ħadu ftit tan-nifs bi trippla ta’ Aquilina però Atheta rnexxielhom jagħmlu l-iskor indaqs 58-58 wara punti minn Feiler u Peter Shoults. Aquilina kellhu mument mill-aqwa fejn għamel tlett three pointers wara xulxin biex Depiro temmew it-taqsima 69-62 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni Mitrovic kellhu trippla oħra qabel ma’ Bugeja kkometta t-tieni foul anti sportiv biex iwaqqaf fast break tal-avversarji u kellhu jħalli l-court. Atheta pprofittaw mal-ewwel u għamlu run ta’ 9-0 biex għall-ewwel darba marru minn fuq. Depiro rkupraw hekk kif kellhom punti minn Scafidi, Nicholas Grech u Aquilina flimkien ma’ Matthew Borg. Atheta għalqu l-partita b’run ta’ 9-0 primarjament minn Shoults flimkien ma’ Mitrovic biex temmew fuq in-naħa rebbieha 85-79 u jieħdu magħhom vantaġġ ta’ 6 punti għat-tieni logħba.

Cynergi Depiro: R. Xuereb, D. Bugeja 8, L. Duckinson, A. Aquilina 21, N. Grech 4, A. Attard, M. Mallia 10, E. Briffa, M. Borg 2, D. Scafidi 34.

 

Gżira Athleta: M. Naudi 16, B. Zammit, D. Camilleri, P. Shoults 13, F. Mifsud Bonnici, O. Said 10, L. Stefanovic, N. Xuereb, S. Vincic, I. Mitrovic 31, J. Feiler 15.

Referees: Emanuel Mangani, Zvezdan Dobrosaviljevic, Jason Cole.

Gżira Athleta 79

Cynergi Depiro 58

(20-8)(20-13)(22-23)(17-14)

Din it-tieni partita kellha storja differenti minn ta’ jumejn qabel hekk kif l-Athleta kienu dominanti sa’ mill-ewwel ħinijiet tant li run qawwija ta’ 16-0 kienet diġa t’indikazzjoni kif se tkun il-logħba. Depiro rkupraw lil Kurt Xuereb però Dominic Scafidi kellhu wirja kwieta ħafna u kellhu jqatta ħin fuq il-bank minħabba l-fouls. Jonathan Feiler patta għal logħba kwieta li kellhu jumejn qabel u kien dominanti taħt il-board b’diversi rebounds fuq iż-żewġ naħat.  Depiro ħadu l-uniku vantaġġ tagħhom fl-ewwel attakk wara trippla ta’ Nicholas Grech. Hawn waslet ir-run ta’ 16-0 minn Athleta b’diversi punti ta’ Feiler flimkien ma’ Ivan Mitrovic u Peter Shoults. Depiro waqqfuhom b’ħames punti ta’ David Bugeja però sa’ tmiem l-ewwel sessjoni Athleta kienu diġa 12 –il punt minn fuq 20-8. Fit-tieni perjodu, Athleta żiedu d-distakk wara baskets minn Peter Shoults u Omar Said. Wara trippla minn Andrew Aquilina għal Depiro, Athleta komplew bi break iehor ta’ 9-0 b’żewġ three pointers minn Shoults. Ir-risposta ta’ Depiro ma kienitx kontinwa u Athleta b’diversi runs qosra fetħu vantaġġ ta’ 19 –il punt sal-halftime 40-21.

Fit-tielet taqsima l-logħob kien aktar bilanċjat hekk kif iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin. Three pointer fuq kull naħa ħalla lil Athleta 25 punt minn fuq 54-29 qabel ma Depiro naqqsu xi ftit l-iżvantaġġ bi break ta’ 10-2. Athleta però temmew il-perjodu bil-punti ta’ Shoults u Feiler għal skor ta’ 62-44. Fl-aħħar sessjoni Athleta baqgħu fil-kontroll minkejja li għal ħin twil il-coach Ray Muscat ta spazju lil players ta’ fuq il-bank li però ma ddeludewhx hekk kif kemm Stefan Vincic kif ukoll Nathan Xuereb kisbu l-punti. Depiro ma setgħux jerġħhu jidħlu fil-partita biex kienu Athleta li rebħu 79-58 u għaddew għas-semifinali kontra Hibernians fuq aggregate ta’ 164-137. Fis-semifinali l-oħra Bupa Luxol jiltaqgħu kontra Starlites Gig. L-ewwel leg jintlagħab nhar l-Erbgħa 13 ta’ Dicembru bil-partiti ta’ ritorn isiru l-Ħadd ta’ wara.

Gzira Athleta: M. Naudi 7, B. Zammit 3, D. Camilleri, S. Saakian, P. Shoults 16, F. Mifsud Bonnici 2, O. Said 9, L. Stefanovic, N. Xuereb 3, S. Vincic 4, I. Mitrovic 2, J. Feiler 33.

 

Cynergi Depiro: E. Briffa, D. Bugeja 22, L. Duckinson, A. Aquilina 10, N. Grech 3, A. Attard, M. Mallia 4, K. Xuereb 6, M. Borg, D. Scafidi 13.

Referees: Gordon Barbara, Nicky Azzopardi, Tuomas Mantere.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/gzira-athleta-fis-semi-finali-wara-zewg-rebhiet-2/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.