Gżira Athleta fil-finali u Starlites GIG jippareġjaw is-serje

Tuesday, April 16, 2019, 18:05

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel 2 Diviżjoni

minn Colin Schembri

Siġġiewi 57

Starlites GIG 73

(19-23)(14-17)(18-14)(6-19)

Starlites GIG sfurzaw it-tielet partia kontra Siġġiewi fis-semifinali tal-play-offs wara li rebħu t-tieni partita 73-57. Minkejja d-distakk finali ta’ sittax –il punt iż-żewġ timijiet kienu għal ħin twil viċin xulxin u kienet run ta’ 15-2 fl-aħħar taqsima li aċċertat lil Starlites mir-rebħa finali. Fl-ewwel sessjoni kien hemm baskets fuq kull naħa bil-vantaġġ jibdel l-idejn għal diversi drabi. Siġġiewi kienu 9-6 minn fuq bi Starlites jirkupraw permezz ta’ Miguel Falzon u Isaac Pace flimkien ma’ Nenad Stojanovksi. Milan Nedic ukoll kellhu punti konsekuttivi li ħallew lil Siġġiewi fuq quddiem però hawn Starlites kellhom tlett three pointers minn Ian Felice Pace u Stojanovski biex temmew is-sessjoni 23-19 minn fuq. Fit-tieni perjodu Starlites żiedu sew il-vantaġġ tagħhom wara run ta’ 11-3 għal skor ta’ 38-25. Siġġiewi però rnexxielhom jagħlqu t-taqsima b’żewġ three pointers minn Nedic u Alex Novakovic u fl-intervall il-vantaġġ ta’ Starlites niżel għal seba’ punti 40-33.

Fit-tielet taqsima, Siġġiewi bdew bil-punti ta’ Novakovic iżda Stojanovski u Matthew Scerri rrispondew għal Starlites biex żammew ‘l bogħod mill-avversarji. Hawn però Siġġiewi għamlu run ta’ 10-2 b’żewġ trippli ta’ Novakovic biex naqqsu d-distakk għal 3 punti u żammewh hekk sa’ tmiem is-sessjoni 51-54. Fl-aħħar perjodu wasler ir-run deċisiva ta’ Starlites, 15-2 fejn kien hemm trippli minn Felice Pace u Scerri flimkien mal-punti ta’ Mirco Azzopardi u Falzon. Starlites issa kienu 16 minn fuq u dan kellhu jkun ukoll id-distakk finali hekk kif huma rebħu l-partita 73-57.

Siġġiewi: A. Novakovic 22, M. Nedic 12

Starlites GIG: N. Stojanovski 35, M. Scerri 12

Victoria Libertas 70

Gżira Athleta 77

(21-19)(18-9)(15-18)(16-21)

It-team ta’ Gżira Athleta saru l-ewwel finalisti tal-kampjonat tat-tieni diviżjoni hekk kif kisbu wkoll it-tieni rebħa fuq Victoria Libertas bl-iskor ta’ 77-70. Libertas żammew il-pass mal-avversarji u kien biss lejn tmiem it-tielet sessjoni u l-bidu tar-raba’ li ċedew biex Athleta aċċertaw ruħhom mir-rebħa. Wara bidu tajjeb tal-Athleta fejn huma ħadu vantaġġ ta’ sitt punti 8-2, Libertas wieġbu b’run ta’ 14-0 li għalquha bi trippla ta’ Matthew Binder għal skor ta’ 16-8. Wara time-out tal-coach Peter Farrugia, Athleta reġgħu bdew jagħmlu l-punti fosthom trippla ta’ Francesco Mifsud Bonnici flimkien ma’ Luca Stefanovic u Nicolo Guida però Libertas baqgħu minn fuq 21-19. Athleta fetħu t-tieni perjodu b’run ta’ 10-0 bi trippla ta’ Matthew Gouder. Libertas però ma ċedewx u ġew lura grazzi għal sensiela ta’ punti minn Emanuel Lupo u Christian Briffa. Flimkien ma’ dawn, huma għamlu wkoll run ta’ 10-0 li rathom jidħlu jistrieħu punt minn fuq 39-38.

Mall-ftuħ tat-tielet taqsima, kien Guida li reġa’ poġġa lill-Athleta fuq quddiem iżda punti ta’ Binder u Lupo dawwru r-riżultat favur il-Libertas 51-44. Dan id-distakk deher li ħasad lill-Athleta għax minn hawn ‘l quddiem huma bdew run ta’ 12-3 minn Guida u Nathan Xuereb biex dawwru l-iskor favur tagħhom 56-54 fi tmiem is-sessjoni. Dan ma kienx biżżejjed għax huma komplew b’run oħra ta’ 14-0 fil-bidu tal-aħħar sessjoni u fetħu vantaġġ ta’ 16 –il punt 70-54. Libertas għamlu sforz qalbieni ieħor biex isalvaw il-partita u għaqqdu run oħra ta’ 10-2 però kienu għadhom ‘l bogħod u Athleta kkontrollaw l-aħħar minuti biex rebħu l-partita 77-70.

Victoria Libertas: E. Lupo 20, R. Loporto 16

Gżira Athleta: M. Gouder 21, N. Guida 21

 

 





Leave a comment