Gżira Athleta Champions tat-tieni diviżjoni

Monday, March 27, 2017, 19:47

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA 2 DIVIŻJONI – FINALI

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 61

Marvels Power Plus 38

(14-13)(12-10)(17-6)(13-9)

Gżira Athleta rebħu wkoll it-tielet partita tas-serje finali kontra Marvels Power Plus biex rebħu l-kampjonat tat-tieni diviżjoni. Kien staġun mill-aqwa għat-team imexxi minn Sandro Farrugia li mhux biss rebħu l-kampjonat iżda rebħu wkoll iż-żewġ kompetizzjonijiet l-oħra tas-Shield u n-Knock Out mingħajr telfa. Mertu għaż-żagħżagħ li komplew juru progress fil-logħob tagħhom però mertu wkoll għall-klassi tal-Amerikan Kwame Thompson li bil-preżenza tiegħhu Athleta kienu superjuri għat-timijiet l-oħra kollha f’din il-kategorija. Ħafna mill-istess żagħżagħ fil-fatt l-għada rebħu wkoll il-kampjonat ta’ taħt id-19 –il sena. Bħal ma ġara fiż-żewġ partiti ta’ qabel Marvels żammew il-pass mal-avversarji sal-intervall però Athleta kienu dominanti minn hemm ‘l quddiem. Fl-ewwel sessjoni Athleta ħadu vantaġġ 10-3 qabel ma Marvels għamlu run ta’ 8-0 bi trippla ta’ Luke Azzopardi u punti ta’ Christian Briffa biex ħadu vantaġġ 11-10. Athleta rnexxielhom idawwru l-iskor b’żewġ baskets ta’ Francesco Mifsud Bonnici u temmew it-taqsima fuq quddiem 14-13. Fit-tieni perjodu Athleta fetħu bi trippla ta’ Thomspon però Marvles baqgħu viċin bil-punti ta’ Jonathan Ransley u żewġ three pointers ta’ Azzopardi. Athleta wieġbu bi trippla ta’ Stefan Vincic u punti minn Thompson u Joshua Aquilina biex daħlu jistrieħu 26-23 minn fuq.

Wara l-intervall Athleta fetħu b’ħames punti ta’ Thompson qabel ma Marvels kellhom il-punti minn Andres Toompere. Athleta komplew b’run ta’ 12-2 bi trippla oħra ta’ Vincic flmkien ma’ Mifsud Bonnici u Thompson biex fetħu vantaġġ ta’ 14 –il punt 43-29. Athleta għalqu l-partita favur tagħhom fil-ftuħ tar-raba’ taqsima meta bdew b’run ta’ 13-0 bi trippla ta’ Thomspon u l-punti ta’ Luca Stefanovic u Nathan Xuereb. Marvels wieġbu bil-punti ta’ Azzopardi biex naqqsu xi ftit l-iżvantaġġ iżda Athleta kellhom vantaġġ komdu biex ħarġu rebbieħa 61-38. Fi tmiem il-partita, s-Sur Peter Perotti Chief Officer Bank of Valletta ppreżenta l-unur tal-MVP tal-finali lil player ta’ Athleta Kwame Thompson u t-trofew ta’ champions lil captain Joshua Aquilina fost il-ferħ tal-players sħabu u l-partitarji ta’ Athleta li ċċelebraw b’mod qawwi dan l-istaġun stupend.

Gżira Athleta: M. Gauchi Montaldo 2, F. Mifsud Bonnici 8, J. Wait, N. Xuereb 2, L. Stefanovic 5, K. Thompson 33, M. Giusti 2, J. Aquilina 3, C. Schembri, S. Vincic 6, M. Cilia, R. Zammit.

Marvels Power Plus: L. Azzopardi 14, D. Massa, D. Pisani 2, R. Curmi 4, D. Debattista 3, A. Morris, C. Briffa 5, J. Ransley 4, A. Toompere 6.

Referees: Emanuel Mangani, Igor Marjanovic, Brian Sly.

Statistika…

Athleta

Free throws – 6 on 12

Baskets – 20 on 51

Three pointers – 5 on 13

Rebounds – 45

Assists – 10

Turnovers – 13

Steals – 15

Fouls Suffered – 12

Fouls Made – 12

Marvels

Free throws – 8 on 9

Baskets – 9 on 36

Three pointers – 4 on 18

Rebounds – 43

Assists – 3

Turnovers – 20

Steals – 8

Fouls Suffered – 12

Fouls Made – 12

Ritratti: Stefan Abela (Bank of Valletta)





Leave a comment