Gżira Athleta Champions tat-tieni diviżjoni

Monday, May 27, 2019, 19:43

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel 2 Diviżjoni – FINALI

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 76

Starlites GIG 67

(24-12)(29-13)(22-9)(16-18)

Il-ħames u l-aħħar finali tal-kampjonat marret għand Gżira Athleta b’rebħa konvinċenti fuq Starlites GIG biex b’hekk żammew il-kampjonat li rebħu f’dawn l-aħħar sentejn. It-team ta’ Starlites għandhom ikunu sodisfatti b’dak li għamlu dan l-istaġun fejn rebħu in-Knockout minbarra li waslu fil-finali tal-kampjonat b’team relattivament żagħżugħ. Athleta kienu superjuri speċjalment bl-inklużjoni ta’ players stabbiliti fl-ewwel diviżjoni u fit-team nazzjonali għalkemm Starlites tawhom kedda kbira wara li rebħulhom l-ewwel u t-tielet partita. L-aħħar waħda però ma rriflettietx dak li ġara fl-erbgħa ta’ qabel għaliex Athleta ddominaw speċjalment minn nofs l-ewwel sessjoni l-quddiem. Il-partita kellha bidu bilanċjat fejn kif mistenni ż-żewġ teamijiet kienu attenti għal xulxin bil-vantaġġ idur minn naħa għall-oħra. Wara li Starlites ħadu vantaġġ ta’ punt 10-9, Athleta bdew iżidu fil-logħob tagħom u għamlu run ta’ 15-2 bejn Nathan Xuereb u Matthew Gouder li kellhom ukoll trippla kull wieħed għal skor ta’ 24-12. Fit-tieni perjodu Starlites fetħu bi three pointer ta’ Matthew Scerri però Athleta pronti wieġbu b’oħra minn Xuereb flimkien ma’ iżjed punti minn Gouder. Athleta reġgħu għalqu l-perjodu kif spiċċaw l-ewwel wieħed meta kellhom break qawwi ta’ 17-2 fejn flimkien ma’ Xuereb u Gouder kellhom ukoll il-punti ta’ Luca Stefanovic u Stefan Vincic għal skor ta’ 53-25.

Wara l-intervall Starlites ma rkuprawx anzi kienu Athleta li komplew iżidu l-vantaġġ b’run oħra ta’ 9-2 bi trippla ta’ Vincic. Ir-risposti ta’ Starlites kienu qosra u bejniethom Athleta bdew iżidu l-vantaġġ meta kellhom aktar three pointers minn Gouder u Xuereb biex tista’ tgħid li sa’ tmiem it-taqsima kienu ċerti mir-riżultat fuq skor ta’ 75-34. Fil-bidu tal-aħħar sessjoni Athleta ssiġilaw ir-rebħa meta bdew bi break ieħor ta’ 12-4 bil-punti ta’ Nicolo Guida u Stefanovic. Kien biss lejn it-tmiem li Starlites kisbu sensiela ta’ punti konsekuttivi li servew biex għamlu l-iskor aktar rispettabli hekk kif Athleta rebħu l-partita 91-52 u l-kampjonat. Fi tmiem il-logħba is-Sur Charles Azzopardi Executive PR Marketing tal-Bank of Valletta ppreżenta l-unur tal-MVP lil Matthew Gouder u t-trofew ta’ Champions lil captain ta’ Gżira Athleta Joshua Aquilina fost il-ferħ tal-partitarji u diriġenti preżenti.

Gżira Athleta: M. Laferla, F. Mifsud Bonnici, J. Wait, C. Schembri, L. Stefanovic 8, S. Galea, N. Xuereb 27, M. Gouder 30,  N. Guida 14, S. Vincic 10, J. Ransley 2, R. Abela.

 

Starlites GIG: O. Psaila 2, M. Azzopardi 6, I. Felice Pace 2, M. Fabri, I. Pace 4, M. Scerri 11, M. Falzon 7, L. Riolo, A. Xuereb 5, M. Vella, N. Stojanovski 15.

Referees:  Bernard Vassallo, Tuomas Mantere, Daniella Torok.





Leave a comment