Gżira Athleta champions ta’ taħt it-23 sena Irġiel

Wednesday, April 3, 2019, 20:17

KAMPJONAT ST. JAMES HOSPITAL U/23 Irġiel

minn Colin Schembri

Hibernians 61

Gżira Athleta 64

(16-16)(23-17)(13-15)(9-16)

F’partita li ħalliet lil kull min kien fil-Padiljun fuq ix-xwiek sal-aħħar sekondi tagħha, Gżira Athleta finalment għelbu lil Hibernians 64-61 biex rebħu dan il-kampjonat li rritorna wara nuqqas ta’ staġun. Il-partita rat lill-Athleta jiġru wara r-riżultat tul l-ewwel tlett sessjonijiet fejn kien hemm ankè vantaġġi b’figuri doppji għall-Pawlisti però fl-aħħar sessjoni l-players ta’ Peter Farrugia dawwru r-riżultat favur tagħhom u minkejja li għal darbtejn reġgħu sabu ruħhom minn taħt kienu huma li finalment ħadu r-rebħa. Fuq iż-żewġ naħat kien hemm players li jieħdu sehem b’mod regolari kemm fl-ewwel kif ukoll fit-tieni diviżjoni. Fis-semi-finali Hibs għelbu lil Starlites 100-97 fil-waqt li Athleta għelbu lil Depiro 106-69. Wara li Nathan Xuereb poġġa lill-Athleta minn fuq, Hibs wieġbu permezz ta’ Luke Farrugia u Kurt Xuereb biex ħadu vantaġġ li żammew għal ħin twil fil-partita. Huma marru 13-7 minn fuq qabel ma Athleta wieġbu bil-punti ta’ Matthew Gouder u trippla ta’ Xuereb biex is-sessjoni għalqet f’parita ta’ 16-16. Fit-tieni sessjoni Hibs fetħu bit-three pointers ta’ Paul Attard u Isaac Bonett u marru 27-21 minn fuq. Athleta wieġbu bil-baskets ta’ Francesco Mifsud Bonnici u Gouder iżda Hibs għamlu run ta’ 9-1 u fetħu vantaġġ ta’ 10 punti 36-26. Athleta ġew lura permezz ta’ Gouder, Stefan Vincic u trippla ta’ Mifsud Bonnici biex Hibs daħlu jistrieħu fuq quddiem 39-33.

Wara l-intervall Hibs reġgħu fetħu vantaġġ b’figuri doppji wara trippla ta’ Xuereb u basket ta’ Farrugia 46-35. Vincic u Gouder irrispondew għall-Athleta però Farrugia għamel trippla oħra u Hibs baqgħu 10 minn fuq 51-41. Qabel intemmet it-taqsima Athleta kellhom trippla minn Xuereb u basket ta’ Gouder biex naqqsu d-distakk għal erba’ punti 52-48. Fl-aħħar sessjoni, Farrugia beda b’basket għal Hibs iżda hawn Athleta kellhom break ta’ 8-0 bi trippla ta’ Xuereb biex marru minn fuq 56-54.Ir-risposta ta’ Hibs permezz ta’ Farrugia u Bonett rathom jerġgħu jieħdu vantaġġ ta’ basket u wara li Gouder għamel l-iskor indaqs, 3 punti ta’ Bonett taw l-aħħar vantaġġ lil Hibs 61-58. Wara basket ta’ Vincic, Mifsud Bonnici poġġa lill-Athleta minn fuq. Hawn kien hemm mumenti eċitanti bil-pusess tal-ballun jibdel l-idejn għal 3 darbiet fl-aħħar nofs minuta però kien Gouder li għamel l-aħħar żewġ free-throws li taw ir-rebħa lil Athleta fuq skor ta’ 64-61 fost briju kbir mill-partitarji tagħhom. Fi tmiem il-partita il-President tal-MBA Paul Sultana ppreżenta t-tazza lil captain tal-Athleta Francesco Mifsud Bonnici.

Hibernians: Matthew Formosa 2, Kurt Sultana 3, Luke Farrugia 12, Paul Attard 3, Isaac Bonett 17, Kurt Xuereb 16, Ricky Aquilina, Kieron Caruana 8, Matthew Attard, Jeremy Piscopo.

Gżira Athleta: Michele Laferla, Francesco Mifsud Bonnici 9, Julian Wait 2, Daniel Buhagiar, Luca Stefanovic 2, Sean Galea, Nathan Xuereb 15, Matthew Gouder 28, Kelvin Schembri, Stefan Vincic 8, Eric Abela, Ryan Abela.

Referees: Bernard Vassallo, Tuomas Mantere, Daniella Torok





Leave a comment