- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Gżira Athleta b’rebħa mportanti kontra Mellieħa

Posted By sportinmalta1 On March 10, 2020 @ 9:40 pm In Basketball,Featured | No Comments

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel 2 Diviżjoni

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 83

Mellieħa Libertas 81

(22-17)(21-28)(14-20)(26-16)

Din il-partita kienet waħda ferm kumbattuta u tikkonferma l-potenzjal taż-żewġ timjiet hekk kif Athleta bl-inklużjoni ta’ Kwame Thompson se jkunu fost l-isfidanti għar-rebħ tal-kampjonat. Partita taħraq b’diversi fouls, protesti u azzjonijiet oħra fuq iż-żewġ naħat. L-akbar vantaġġ fil-partita kien ta’ Mellieħa meta fl-aħħar taqsima marru 10 minn fuq però sofrew ir-rimonta tal-Athleta. Fl-ewwel sessjoni l-vantaġġ bidel l-idejn għal diversi drabi fejn l-ewwel kienu Mellieħa li marru 8-6 minn fuq bl-Athleta jwieġbu b’run ta’ 8-2 u jieħdu l-vantaġġ. Mellieħa kellhom trippla minn Lisandrau però Athleta kellhom risposta minn Ivan Cascione, Thompson u Karolis Vitonis għal skor ta’ 22-17. Fit-tieni perjodu Mellieħa għamlu l-iskor indaqs wara baskets minn Alex Perunicic u Nenad Stojanovski. Mill-ġdid il-logħob kien maqsum fejn il-punti bdew ġejjin b’mod regolari u l-vantaġġ ixaqleb minn naħa għall-oħra. Finalment kienu Mellieħa li rnexxielhom jidħlu basket minn fuq wara trippli minn Perunicic u Ricardo Costa għal skor ta’ 45-43.

Wara l-intervall punti konsekuttivi minn Nicolo Guida reġgħu poġġew lill-Athleta minn fuq 47-45. Hawn Mellieħa kellhom mument tajjeb fejn għamlu run ta’ 10-0 bi trippla ta’ Perunicic. Athleta malajr irrispondew din id-darba bi break ta’ 10-2 biex reġgħu għamlu l-iskor indaqs iżda Mellieħa ħadu l-vantaġġ wara tmien punti mingħajr risposta fosthom trippla ta’ Anthony Schembri għal skor ta’ 65-57. Fl-aħħar perjodu Mellieħa ħadu l-akbar vantaġġ tal-partita 70-60 però ġew maħsuda minn Athleta li għamlu 9 punti mingħajr risposta fosthom minn Guida u Thompson u reġgħu daħlu fil-partita. Iż-żewġ timjiet bdew jirrispondu lil xulxin bill-Mellieħa jżommu sod il-vantaġġ minimu li kellhom. Żewġ freethrows ta’ Thompson poġġew lil Athleta minn fuq fl-aħħar sekondi u Mellieħa ma sabux il-basket fl-attakk suċċessiv biex free-throw ta’ Jonathan Ransley għalaq il-partita favur Athleta 83-81.

Athleta: K. Thompson 27, N. Guida 13

Mellieħa: A. Perunicic 25, N. Stojanovski 15

Pyrinto 57

Hibernians 98

(12-23)(12-27)(15-24)(18-24)

Fuq din il-partita ftit li xejn hemm wieħed xi jgħid hekk kif Pyrinto kellhom biss ħames players u Hibs kellhom sitta. L-aktar żewġ fatturi li spiikaw kienu id-disa’ three pointers li għamel Matthew Attard ta’ Hibs fil-waqt li għal Pyrinto kien hemm 34 punt minn Rytis Rutkauskas. Għal kronaka ngħidu li Hibs vantaġġ ta’ 11 -il punt fi tmiem l-ewwel taqsima 23-12 b’Formosa jagħmel l-ewwel żewġ trippli tiegħhu. It-tieni taqsima fetħet b’ħames punti ta’ Rutkauskas fosthom trippla qabel ma Hibs għamlu 19-2 fejn kellhom ukoll il-punti minn Isaac Bonett u Kurt Sultana fost l-oħrajn biex daħlu jistrieħu 50-24 minn fuq. Fit-tielet taqsima l-logħob kien aktar maqsum speċjalment fl-ewwel ħinijiet fejn Pyrinto bdew bit-trippli ta’ Rutkauskas u Daniel Bastos fil-waqt li Hibs irrispondew permezz ta’ Ricky Aquilina u Neil Cassar. Hibs imbagħad għalqu l-perjodu b’run oħra ta’ 16-2 b’Sean Borg u Formosa jagħmlu żewġ trippli kull wieħed. L-uniku nteress li kien fadal għall-aħħar taqsima kien l-iskor finali fejn Formosa kompla b’erba’ three pointers oħra fosthom dak li għalaq il-partita fuq skor finali ta’ 98-57.

Pyrinto: R. Rutkauskas 34, R. Aouni 14

Hibs: M. Formosa 40, I. Bonett 23

Mellieħa Libertas 90

 

Starlites GIG 69

(24-14)(14-12)(32-23)(20-20)

Fl-aħħar partita tal-ġimgħa, Mellieħa rritornaw għar-rebħ kontra Starlites GIG 90-69 fejn iż-żagħżagħ ta’ Starlites offrew sfida denja speċjalment sal-bidu tat-tielet sessjoni fejn waslu sa’ 3 punti ‘l bogħod mill-avversarji. Mellieħa ħadu vantaġġ fl-ewwel ħinijiet tal-partita 9-5 però Starlites ġew lura bil-punti ta’ Mirco Azzopardi u Miguel Falzon u ħadu vantaġġ ta’ punt 12-11. Hawn Mellieħa għamlu run ta’ 11-0 bi trippla ta’ Alex Perunicic u temmew l-ewwel sessjoni 24-14 minn fuq. Fit-tieni perjodu Mellieħa komplew fejn ħallew fejn għamlu run oħra ta’ 14-2 biex kabbru l-vantaġġ għal 20 punt 38-18. Starlites wieġbu bil-punti ta’ Miguel Fabri u trippla ta’ Neil Sultana biex fl-intervall Mellieħa kienu 38-26 minn fuq.

Il-mument tajjeb ta’ Starlites kompla fil-ftuħ tat-tielet taqsima meta bdew bi trippla ta’ Fabri f’run ta’ 9-0 li rathom inaqqsu d-distakk għal 3 punti 35-38. Mellieħa rkupraw minn dan il-mument diffiċli u għamlu run ta’ 20-4 b’diversi punti ta’ Perunicic, Nenad Stojanovski u Christian Briffa fost l-oħrajn biex temmew il-perjodu 70-49 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni Starlites bdew bil-punti ta’ Falzon u Azzopardi però Mellieħa wieġbu bi break ieħor ta’ 11-0 biex komplew jikkontrollaw il-partita sat-tmiem u joħorġu rebbieħa 90-69.

Mellieħa: C. Briffa 19, N. Stojanovski 18

Starlites: M. Falzon 19, M. Azzopardi 14

 

Klassifika Kampjonat BOV Tieni Diviżjoni

Team Logħob Rebħ Telf Punti Favur Kontra
Mellieha

9

7

2

16

781

571

Hibs

8

6

2

14

694

551

Fusion

8

6

2

13

630

490

Gżira Athleta

8

4

4

12

590

535

Depiro

7

3

4

10

360

442

Starlites GIG

8

2

6

10

554

681

Pyrinto

8

0

8

7

302

641

Depiro 2 walkovers vs Pyrinto,Fusion

 


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/gzira-athleta-brebha-mportanti-kontra-mellieha/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.