- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Gżira Athleta bit-tieni suċċess tal-istaġun

Posted By sportinmalta1 On October 3, 2016 @ 8:01 pm In Basketball,Featured | No Comments

St. James Hospital Super Cup – FINALI

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 92

Starlites 60

(30-16)(20-14)(20-17)(13-22)

Wara r-rebħ tat-tazza Indipendenza, it-team ta’ Gżira Athleta kisbu wkoll it-tieni unur tal-istaġun meta fil-finali tas-St. James Hospital Super Cup għelbu lil Starlites 92-60 għat-tlettax –il suċċess tagħhom f’din il-kompetizzjoni. Starlites, li ħadu post it-team xolt ta’ Virtus, żammew il-pass mall-avversarji sa’ nofs l-ewwel sessjoni fejn ankè rnexxielhom jieħdu vantaġġ ta’ punt. Athleta b’Micheal Naudi u l-Amerikan Josiah Whitehead f’burdata tajba bdew jibnu vantaġġ u għamlu run ta’ 11-0 biex temmew l-ewwel sessjoni 30-16 minn fuq. Huma komplew b’seba’ punti oħra fil-ftuħ tat-tieni taqsima għalkemm Starlites kellhom ir-risposta tagħhom minn Alec Felice Pace u Jacob Formosa. David Camilleri u Naudi bi trippla żiedu l-vantaġġ għall-Athleta li daħlu jistrieħu 50-30 minn fuq.

Wara l-intervall kien hemm żewġ baskets fuq kull naħa qabel ma Athleta għamlu break ta’ 10-0 bi trippli ta’ Camilleri u Peter Shoults. Starlites ukoll kellhom it-trippli tagħhom minn Thomas Grech u Formosa biex it-taqsima ntemmet bl- Athleta fuq quddiem 70-47. Fl-aħħar sessjoni kien hemm run oħra minn Athleta ta’ 12-0 fosthom trippla ta’ Billy Zammit. Formosa wkoll kellhu żewġ trippli oħra għal Starlites però qatt ma setgħu jinkwetaw lill-Athleta li rebħu l-partita 92-60. Fi tmiem il-partita l-President tal-MBA Paul Sultana ppreżenta t-trofew lil captain ta’ Michael Naudi li b’hekk għolla t-tieni tazza fi spazju ta’ ftit jiem.

Gżira Athleta: M. Naudi 24, R. Vella 4, D. Camilleri 7, L. Stefanovic, P. Shoults 11, F. Mifsud Bonnici 1, B. Zammit 11, S. Vincic, M. G. Montaldo 1, J. Whitehead 33.

Starlites: Q. Bugeja, L. Vella, A. Schembri 6, C. Schembri 3, M. Falzon 4, A. Felice Pace 12, Zika Stankovic 7, J. Formosa 16, M. Azzopardi, C. Doublet, T. Grech 12.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Stephen Micallef.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/gzira-athleta-bit-tieni-success-tal-istagun/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.