Gżira Athleta bit-tieni rebħa wara partita stupenda

Monday, December 4, 2017, 16:28

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel

minn Colin Schembri

Bupa Luxol 84

Gżira Athleta 92

(18-19)(30-28)(20-22)(16-23)

Gżira Athleta għelbu lil Bupa Luxol 92-84 fi tmiem tal-isbaħ partita tal-istaġun. Partita fejn iż-żewġ timijiet kienu viċin xulxin għal ħin twil u ż-żewġ settijiet ta’ players offrew livell għoli ta’ basketball fejn rajna dunks mill-isbaħ, assists perfetti u ftit turnovers. L-unika nota negattiva kien l-ammont ta’ technical fouls li kienu msaffra primarjament minħabba protesti fuq iż-żewġ naħat. Partita fejn spikkaw ukoll żewġ żgħażagħ, wieħed fuq kull naħa, Keith Dimech ta’ Luxol u Francesco Mifsud Bonnici tal-Athleta li kkumplimentaw tajjeb lil players t’esperjenza fuq il-court. Athleta ħadu l-ewwel vantaġġ bil-punti ta’ Micheal Naudi u l-Amerikan Jonathan Feiler. Luxol wieġbu bi trippla ta’ Jean Paul Schembri u oħra ta’ William Ahlberg minkejja li għal ħin twil kien magħsses tajjeb minn Peter Shoults. Athleta marru 5 minn fuq 19-14 qabel ma’ Luxol għalqu l-perjodu bil-punti ta’ Ahlberg u Kyle Meyer għal skor ta’ 18-19. Luxol marru minn fuq fil-bidu tat-tieni perjodu meta kellhom il-punti ta’ Dimech. Ir-risposta tal-Athleta ġiet bit-trippli ta’ Shoults u Feiler però Luxol malajr wieġbu b’baskets ta’ Nicola Vasovic u trippla ta’ Dimech. Dimech kompla bil-punti biex poġġa lil Luxol fuq quddiem 42-39 u għalkemm Athleta ħadu l-vantaġġ għal darbtejn permezz ta’ Naudi u Ivan Mitrovic, trippla ta’ Vasovic eżatt mat-tmiem il-perjodu tat vantaġġ lil Luxol 48-47.

Fit-tielet perjodu l-partita kompliet tisbieħ bl-ebda team ma jċedi pulzier u l-vantaġġ jibdel l-idejn għal diversi drabi. Luxol kellhom ibiddlu lil Meyer wara r-raba foul hekk kif kienu 4 minn fuq 633-59. Free throw ta’ Feiler u trippla ta’ Billy Zammit għamlu l-iskor indaqs 63-63 pero Ahlberg rega poġġa lil Luxol fuq quddiem. Athleta għamlu sitt punti konsekuttivi minn Mifsud Bonnici, Mitrovic u Feiler biex kienu huma li temmew it-taqsima punt minn fuq 69-68. Fl-aħħar taqsima, Athleta żiedu l-vantaġġ bil-baskets ta’ Naudi u Mifsud Bonnici. Ir-risposta ta’ Luxol ġiet minn Vasovic u huma għamlu run ta’ 9-2 fosthom żewġ baskets ta’ Meyer biex għamlu l-iskor indaqs 79-79. Dimech poġġijhom fuq quddiem qabel ma Feiler kellhu sitt punti konsekuttivi biex Athleta fetħu vantaġġ ta’ 5 punti 86-81. Luxol kienu kostretti jagħmlu l-fouls biex iwaqqfu l-arloġġ u tilfu lil Meyer u lil Dimech bil-ħames foul u Athleta għamlu l-aħħar free-throws tal-partita biex ħadu r-rebħa 92-84.

Bupa Luxol: CJ Cordina, M. Sjoberg, N. Vasovic 19, JP Schembri 3, K. Dimech 19, W. Ahlberg 21, A. Micallef Trigona, K. Meyer 20, S. Cappello 2.

 

Gżira Athleta: M. Naudi 25, B. Zammit 3, D. Camilleri, P. Shoults 5, F. Mifsud Bonnici 10, O. Said 3, L. Stefanovic, N. Xuereb, S. Vincic, I. Mitrovic 6, J. Feiler 40.

Referees: Tuomas Mantere, Zvezdan Dobrosaviljevic, Ivica Simic.

Hibernians 96

Cynergi Depiro 70

(15-19)(25-20)(27-15)(29-16)

Hibs kisbu l-ewwel rebħa tal-kampjonat kontra Cynergi Depiro li kienu qed jagħmlu biss it-tielet dehra tagħhom dan l-istaġun 96-70. Depiro kellhom nieqsa lil Myron Agius, Alvaro Queros u Kurt Xuereb sospiż  u żammew il-pass mall-avversarji sat-tielet taqsima. F’mument tajjeb għalijhom, il-coach Marko Zloh għajjat time-out li iktar għen lil Hibs li minn hemm ‘l quddiem bdew iżidu l-vantaġġ b’mod konsistenti. Roderick Vella kellhu wirja tajba b’sitt three pointers u diversi assists u Marco Matijevic approfitta mill-ħin twil li kellhu fuq il-court. Chad Patus, għalkemm ma kellux il-punteġġ tas-soltu kien effettiv b’diversi assists lil sħabu. Depiro bbażżaw l-attakk tagħhom fuq David Bugeja u Dominic Scafidi li għamlu 47 punt mis-70 finali. Il-partita fetħet b’żewġ three pointers, wieħed fuq kull naħa bid-Depiro jżommu l-vantaġġ wara l-punti ta’ Scafidi. Trippla ta’ Nicholas Grech u basket ta’ Bugeja raw lil Depiro jmorru 17-10 minn fuq bil-Hibs iwieġbu bi trippla ta’ Simon Attard u basket ta’ Patus għal skor ta’ 15-19. Vella fetaħ it-tieni sessjoni bl-ewwel trippla tieghu però Depiro baqgħu jikkontrollaw hekk kif kellhom il-punti ta’ Scafidi u Andrew Aquilina b’żewġ three pointers u marru 10 minn fuq 32-22. Hibs irkupraw u kienu huma li għamlu run ta’ 14-2 bil-punti ta’ Matijevic u three pointers ta’ Vella u Alvaro Lizaur biex marru minn fuq 38-36 u żammew il-vantaġġ għall-halftime 40-39.

Fit-tielet taqsima d-distakk kiber għal 8 punti favur il-Pawlisti 51-43 bil-punti ta’ Matijevic u Lizaur. Depiro rkupraw b’żewġ three pointers minn Scafidi u Matthew Borg bil-coach Zloh jagħżel li jsejjaħ time-out. Hawn Hibs kellhom run qawwija ta’ 16-5 fosthom tlett trippli ta’ Vella biex f’daqqa waħda fetħu vantaġġ ta’ 13 –il punt 67-54. Fir-raba’ taqsima, Hibs komplew jikkontrollaw hekk kif bdew b’run ta’ 8-2. Bugeja u Grech kellhom three pointer kull wieħed ghal Depiro però kienu għadhom 18 –il punt minn taħt 62-80. Hibs issiġillaw ir-rebħa bi break ieħor ta’ 8-0 minn Matijevic u Patus u minkejja li għal darb’oħra Bugeja u Grech wieġbu bi trippla għal Depiro, iż-żagħżugħ Isaac Bonett ukoll kiseb żewġ three pointers biex Hibs rebħu l-partita 96-70.

Hibernians: R. Vella 22, P. Attard, K. Sultana, L. Farrugia, S. Attard 5, I. Bonnett 6, A. Axiaq 3, M. Matijevic 24, A. Lizaur 26, F. Mariani, C. Patus 10.

Depiro: E. Briffa, D. Bugeja 22, R. Xuereb, L. Duckinson, A. Aquilina 9, N. Grech 9, A. Attard, M. Mallia, M. Borg 5, D. Scafidi 25.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Nicky Azzopardi





Leave a comment