Gżira Athleta bit-tieni rebħa wara l-ħin barrani

Wednesday, November 30, 2016, 17:02

Kampjonat MSV Life – Nisa

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 66

Hibs 63

(10-11)(8-14)(24-15)(15-17)(4-4)(5-2)

F’partita missielta u li kellha bżonn żewġ sessjonijiet ta’ ħin barrani, Gżira Athleta finalment għelbu lil Hibernians 66-63 biex kisbu t-tieni rebħa tagħhom fil-kampjonat. Hibs kellhom id-debutt ta’ Silvia Gambino u Maria Said għal din il-partita. Wara basket minn Amelia Simmons li fetaħ il-partita, Hibs wieġbu bi break ta’ 7-0 bi trippla ta’ Elena Cassar. Żewġ baskets fuq kull naħa ħallew l-istess distakk qabel ma Athleta kellhom trippla minn Christina Grima biex l-ewwel sessjoni għalqet bil-Hibs fuq quddiem 11-10. Hibs komplew iżidu l-vantaġġ hekk kif kellhom run ta’ 10-0 fit-tieni perjodu bil-punti ta’ Said u Trudy Armstead. Athleta finalment wieġbu bit-trippli ta’ Milika Stefanovic u Antoinette Borg għal skor ta’ 25-18.

Fit-tielet taqsima, wara trippla minn Iona Agius għal Hibs, Athleta wieġbu bi break ta’ 11-2 b’punti minn Grima u Simmons biex ippareġjaw 29-29. Cassar u Julia Scerri reġgħu poġġew lil Hibs fuq quddiem però aktar punti minn Grima u trippla oħra ta’ Borg raw lil Athleta jiftħu vantaġġ ta’ basket 42-40. Il-logħob fl-aħħar perjodu kien maqsum bl-Athleta jiftħu distakk ta’ 6 punti 51-45. Hibs ma ċedewx u għamlu run oħra ta’ 10-0 bi trippla ta’ Gambino u reġgħu marru fuq quddiem iżda Athleta ġabu l-iskor indaqs bil-punti ta’ Grima u Simmons biex il-partita marret għal ħin barrani 57-57.  Fl-ewwel sessjoni ta’ ħin barrani saru biss erba’ punti fuq kull naħa biex kien hemm bżonn perjodu ieħor. Hawn Athleta kellhom il-punti ta’ Leanne Sciberras u Borg b’Cassar tagħmel l-uniku basket ta’ Hibs biex Athleta rebħu l-partita 66-63.

Gżira Athleta: M. Stefanovic 5, C. Grima 23, S. Pisani, L. Sciberras 6, A. Simmons 17, D. Said Hollier 4, A. Borg 9, J. Schembri, S. Vella 3, C. Mifsud.

Hibs: E. Cassar 15, S. Gambino 13, I. Agius 3, K. Caruana, M. Said 10, N. Vella, K. Portainer Mifsud, N. Farrugia 1, T. Armstead 13, J. Scerri 8.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Igor Marjanovic.

Caffè Moak Luxol 77

Depiro 64

(13-10)(13-14)(24-17)(17-23)

Ic-champions Caffè Moak Luxol fetħu d-difiża tat-titlu b’rebħa fuq Depiro 77-64. Huma kellhom nieqsa lil Christina Curmi  u bdew il-partita bl-ewwel tlett baskets qabel ma Depiro wieġbu bi trippla ta’ Sam Brincat. Punti konsekuttivi minn Lyndsay Lessard kabbru l-vantaġġ ta’ Luxol li fi tmiem l-ewwel sessjoni kienu 18-10 minn fuq. Fit-tieni taqsima Luxol komplew iżidu l-vantaġġ bit-trippli ta’ Beverlee Zammit u Ina Medina. Depiro wieġbu bil-punti ta’ Claudia Camilleri u Claire Ciantar iżda Luxol kellhom aktar punti minn Kay Portelli bi trippla u Lessard biex daħlu jistrieħu 36-24 minn fuq.

Wara l-intervall Depiro tħabtu biex inaqqsu d-distakk hekk kif fetħu bil-punti ta’ Brincat u Maria Bonett li kellha wkoll three pointer. Luxol però malajr wieġbu bi break ieħor ta’ 11-0 bit-tieni trippla ta’ Portelli u Zammit biex kabbru l-vantaġġ għal 19 –il punt 60-41. FL-aħħar taqsima Depiro kellhom aktar punti minn Bonett flimkien mat-trippli ta’ Nicole Agius però kull darba sabu lic-champions jirrispondu speċjalment minn Medina u Martina Darmanin biex rebħu l-partita 77-64.

Caffè Moak Luxol: S. Pace 5, B. Zammit 6, M. Mercieca 5, I. Baena Medina 7, M. Darmanin 8, S. De Martino, K. Portelli 6, A. Calleja, P. Ellul 12, N. Vella, L. Lessard 28.

Depiro: A. Mifsud 2, G. Mifsud 3, M. Balzaraviciute, S. Brincat 21, M. Bonett 13, C. Camilleri 3, N. Agius 8, M. Scicluna 5, L. Vella, M. Micallef, T. De Martino, C. Ciantar 9.

Referees: Gordon Barbara, Christine Farrugia.





Leave a comment