Gvern kommess lejn l-izvilupp tal-isport lokali

Saturday, August 10, 2013, 9:51

Waqt laqgħa mal-amministrazzjoni tal-Malta Football Association, li għadha kemm ingħatat mandat ta’ tlett snin oħra fit-tmexxija tal-football Malti, l-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq fuq l-impenn tal-Gvern li jagħti l-appoġġ meħtieġ, fuq livelli differenti, fl-iżvilupp tal-isport lokali.  Fost oħrajn Dr Muscat qal li l-Gvern huwa kommess li jgħin fl-infrastruttura sportiva li hija waħda mill-prioritajiet li fuqha ġiet eletta l-amministrazzjoni preżenti.

Il-Prim Ministru semma l-bżonn li l-klabbs lokali tal-football jibdew jaħdmu b’setup iktar professjonali, mhux biss minħabba l-obbligi internazzjonali, iżda anke għaliex dan iwassal għal iktar investiment u iktar pjanar fit-tul.

Qal li l-Gvern se jkun impenjat ukoll li jagħti l-għodda leġislattivi meħtieġa biex il-Malta Football Association issaħħaħ il-ġlieda tagħha kontra dawk l-affarijiet li jmorru kontra l-ġenwinita tal-isports. Il-korruzzjoni fil-football m’għadiex fuq l-istess livell ta’ dik li kienet sa ħames snin ilu. Għalhekk, qal il-Prim Ministru, l-pulizija se tkun qed tikkolabora mal-MFA biex jiġu investigati bis-serjeta l-każijiet kollha li jitressqu quddiemha.

Dr Muscat qal ukoll li l-Gvern qed jikkunsidra inċentivi fiskali għal min jippratika l-isports b’mod professjonali u, bil-kontra tal-Gvern preċedenti, jinsab miftuħ biex is-siti sportivi tal-klabbs Maltin ikunu jistgħu jikkumerċjaliżżaw ruħhom b’mod regolat fejn is-sens ta’ proġett jibqa wieħed sportiv iżda b’mod li jagħti dħul finanzjarju għall-klabbs.

Dawn il-punti jimxu id f’id mal-programm tal-Malta Football Association għat-tlett snin li ġejjin. Filwaqt li rringrazzja lis-Segretarju Parlamentari għall-Isport Stefan Buontempo għall-koperazzjoni kbira tiegħu, l-President Norman Darmanin Demajo qal li l-MFA investiet ħafna fl-infrastruttura u issa għandha bżonn l-aħħar imbottatura mill-Gvern biex tikkonkludi l-proġetti li bdiet tlett snin ilu.

Darmanin Demajo qal li l-isport spiss joffri karriera qasira u għalhekk huwa pożittiv li l-Gvern jikkonsidra inċentivi fiskali li jħajjru li min jippratika l-isports minkejja l-isfidi finanzjarji. Dwar il-kuntratti ta’ kirjiet li għandhom il-klabbs lokali fis-siti tagħhom, u li ma jippermettulhomx li jdaħħlu elementi kummerċjali fihom, il-President tal-Malta Football Association qal li hemm bżonn tibdil biex il-klabbs ikunu jistgħu jassiguraw is-sostennibilita tagħhom.

Norman Darmanin Demajo rringrazzja lill-Gvern għall-assistenza tiegħu biex ikun hemm aktar appoġġ lejn il-klabbs tal-football f’Għawdex.

 





Leave a comment