Gruppetta jlesti għal Abu Dhabi b’rebħa konvinċenti fil-Masters tat-Ten Pin Bowling

Tuesday, February 26, 2019, 14:30

Miktuba minn David Fenech – PRO Malta Ten Pin Bowling Association

Philip Gruppetta, żagħżugħ ta’ 23 sena, kellu wirja ferm konvinċenti fil-Masters tat-Ten Pin Bowling b’rebħa fil-finali ta’ 251 – 174 kontra ċ-Ċampjin Nazzjonali Mauro Anastasi.

Anastasi u Gruppetta iddominaw l-aħħar fażi tal-kwalifikazzjoni biex spiċċaw fl-ewwel żewġ postijiet għall-finali bejn sitta.  Gruppetta lagħab kontra Melissa Swift u Kenneth Arpa, b’dan tal-aħħar jinqala’ bi split kiefer fl-aħħar frame tal-ewwel logħba, biex fit-tieni logħba, Gruppetta għeleb lil Melissa.  Fil-grupp l-ieħor, Anastasi ddomina lil Rankin Camilleri u Neil Sullivan b’logħob ferm sabiħ.

Fil-finali fuq logħba waħda, Anastasi beda kemmxejn ħażin, waqt li Philip ħareġ sparat bi tliet strikes in fila.  Għalkemm Mauro pprova jirkupra bi strikes hu ukoll, Philip baqa’ għaddej b’saħħtu u spiċċa rebaħ il-masters għall-ewwel darba.

Fit-tielet post spiċċaw Neil Sullivan u Melissa Swift.





Leave a comment