- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Grech, Scicluna u Farrugia jirbħu fl-Autocross ASMK

Posted By Sportinmalta On May 23, 2018 @ 3:35 pm In Featured,Motorsport | No Comments

Nhar il-Ħadd li għadda, l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi organizzat id-disa’ programm mill-Kampjonat Nazzjonali Autocross 2017/2018, sponsorjat mid-ditta Pasta Poiatti.

Matul il-ġurnata l-Assoċjazzjoni bdiet b’attività Fun Race għal Muturi Motocross fejn l-għaqda kienet qed tospita il-vann tal-Monster Energy Drink li bħalissa qed jagħmel tour madwar l-Ewropa. Nhar il-Ħadd li għadda kien imissu li jiġi Malta waqt l-attività tal-Autocross u l-Motocross tal-ASMK. Matul din iz-zjara organizzata min General Soft Drinks Ltd il-vann tal-Monster Energy tpoġġa fil-korsa fejn kienu organizzati Free Jumps minn sewwieqa Maltin biex jittieħdu numru ta’ ritratti tal-okkażjoni. Din l-esperjenza għal kru tal-Monster Energy ma waqfetx mal-muturi biss iżda kompliet mal-karozzi fejn is-sewwieqa kellhom l-okkażjoni jsuqu mal-vann tul il-korsa kollha f’numru ta’ dawriet. Wara dan, il-kru offra’ xarba Monster Energy lis-sewwieqa u l-ispettaturi preżenti.

Intant matul il-ġurnata rajna 19-il kompetitur jirreġistra għad-disa’ attività Autocross fejn fil-Klassi Modified rajna lil Karl Micallef fuq Ford Fiesta, Jean Paul Grech fuq Peugoet 106 u Noel Zammit fuq Fiat Punto jiddominaw il-heats tal-ġurnata u rrnexielhom jakkwistaw 24 punt ta’ kwalifikazzjoni kull wieħed biex jassiguraw posthom fil-finali Klassi A. Ma’ dawn ikkwalifikaw ukoll Vince Farrugia fuq Volkswagen Polo, Andrew Pisani fuq Vauxhall Nova u Joseph Spiteri fuq Opel Corsa.

Mat-tluq tal-Final Klassi A Modified rajna ħrug tajjeb hafna mis-sewwieqa kollha tant li baqgħu kollha flimkien sal-ewwel kantuniera. Hawn Grech irnexxielu jieħu t-tmun tal-finali segwit minn Farrugia u Pisani. Wara l-ewwel żewġ dawriet Pisani tilef post wara li Zammit uża l-Joker Lap qabel Pisani biex il-finali kompliet bi Grech jibqa’ jżomm postu segwit minn Farrugia u Zammit.

Matul il-kumplament tat-tiġrija Pisani spiċċa jkompli bil-mod minħabba ħsara fir-rota filwaqt li Micallef ukoll spiċċa jirtira għal kollox mit-tiġrija minħabba ħsara mekkanika wkoll. Grech spiċċa rebaħ din il-finali segwit minn Farrugia u Zammit. Fir-raba post spiċċa Spiteri waqt li fil-ħames u s-sitt post spiċċaw Pisani u Micallef rispettivament.

Mil-Finali Klassi B Modified, Ryan Scicluna fuq Ford Fiesta rebaħ din il-finali segwit minn Keith Borg u Richard Spiteri, it-tnejn fuq Vauxhall Nova. Fir-raba’ post daħal Brandon Lee Vassallo fuq Peugeot 205 filwaqt li fil-ħames post spiċċa Jonathan Vella fuq Ford Fiesta.

Mil-Finali Klassi Standard rajna starting line kompost minn Kyle Agius fuq Renault 5, Nicovich Chircop fuq Peugeot 106, Jerom Peplow fuq Kia Avella, Chris Formosa fuq Ford Fiesta u Deane Farrugia fuq Citroen AX. Mat-tluq ta din il-finali Farrugia kellu ħrug tajjeb tant li ħa t-tmun tal-finali, waqt li kien segwit mill-viċin minn Chircop u Agius. Ftit wara l-ewwel kantuniera kien hemm kuntatt bejn Peplow u Agius, li b’konsegwenza Agius qabad it-tyres mal-ġenb tal-korsa u inqaleb.

It-tiġrija twaqqfet bħala prekawzjoni għas-saħħa u s-sigurtà tas-sewwieq involut kif ukoll minħabba periklu li seta’ kien hemm fil-korsa. Il-fatt li ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident, ftit tal-ħin wara t-tiġirja reġgħet bdiet mingħajr Agius minħabba li l-karozza kellha ħsrara mekkanika kif ukoll mingħajr Peplow li ġie sospiż mir-referi tal-ġurnata. Dan ġie kkonfermat mill-Kumitat Ezekuttiv preżenti wara li ġew esibiti l-filmati li jkunu fil-vetturi. It-tellieqa reġgħet bdiet u Farrugia rebaħ din il-klassi segwit minn Chircop u Formosa.

Intant il-programm ta’ attivitajiet tal-ASMK sa jkompli nhar is-Sibt li ġej 26 ta’ Mejju 2018, bit-tmien tiġrija mill-Kampjonat Nazzjonali Honda Motocross 2017/2018. Dan il-programm jibda fl-4pm u l-bibien jinfetħu fis-2pm.

Għal aktar informazzjoni idħlu fis-sit elettroniku tal-Assoċjazzjoni www.asmk.org.mt jew fil-paġna Facebook bl-isem  Assocjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Wieħed jista jagħmel kuntatt bl-email info@asmk.org.mt jew Mobile 9942 5489

Rittrati ta’ Mario Micallef


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/grech-scicluna-u-farrugia-jirbhu-fl-autocross-asmk/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.