Gowl waħdani jpoġġi lis-Slimiżi fil-quċċata

Sunday, September 15, 2013, 10:02

Minn Robert Busuttil

 

Sliema W………..1

Balzan …………..0

Gowl wieħed skorjat fil-bidu tal-partita minn Stanley Ohawuchi għamlet id-differenza f’din il-partita li ddikjarat l-ewwel post għas-Sliema fil-klassifika u li żammet r-rekord ta’ bla telfa għalihom.

Balzan, li kienu mingħajr Firas Aboulezz, dabbru t-tieni telfa fil-Kampjonat. Huma ma lagħbux daqshekk ħażin, ippruvaw joħolqu xi ċansjiet iżda l-fortuna ftit għenithom. Biex tkompli tgħaxxaqha, il-Balzanin spiċċaw b’għaxra wara t-tkeċċija tat-Taljan Fabio Vignaroli u l-affarjiet ikkomplikaw ruħhom għalihom.

Kien fid-disa’ minuta li Pape Gueye għal Sliema seraq ballun tajjeb lil Andrew Scicluna u wara li avvanza tajjeb għadda lejn STANLEY OHAWUCHI li b’xutt mal-ewwel għeleb lil Miguel Martinez bejn il-lasti Balzanin. L-istess gowler kellu jiġi msejjaħ fl-azzjoni meta x-xutt qawwi ta’ Stanley Ohawuchi.

Hawnhekk Balzan ippruvaw joħorġu mill-qoxra tagħhom u tentattiv ta’ Mark Spiteri  ġie mwaqqaf mill-gowler Slimiż Bonello.

Kif semmejna aktar qabel, il-fortuna ftit għenet lil Balzan. Dan kien evidenti hekk kif Spiteri laqat il-lasti, b’Bonello megħlub.

Lydon Micallef ipprova jimpenja d-difiża Slimiża iżda bla suċċess.

Madankollu Stanley Ohawuchi beda jkompli jsir il-periklu numru wieħed għal Balzanin fejn wara ġirja mill-aqwa fajjar xutt bomba li ra lil Miguel Martinez isalva b’mod tajjeb.

Il-minuti finali kienu ritornell ta’ azzjonijiet min-naħa u minn oħra iżda mat-tisfira tar-referi Paul Caruana is-Slimiżi dehru kuntenti bl-ewwel post miksub sabiex jistennew lil Hibernians x’se jagħmlu llum bix-xewqa Slimiża tkun dik li l-Pawlisti jitilfu l-punti sabiex ikunu jistgħu jżommu l-quċċata għal aktar żmien.

 




Leave a comment