- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

GO tisponsorja l-Għażliet Sportivi Nazzjonali

Posted By Sportinmalta On January 30, 2014 @ 11:46 am In Featured,Other | No Comments

 

GO plc saret l-isponsor korporattiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports (GħGS), l-assoċjazzjoni nazzjonali tal-ġurnalisti tal-isports. Barra minn hekk, GO ser tisponsorja wkoll il-kategorija taż-‘Żagħżugħ tas-Sena’ waqt il-premjazzjoni tal-Għażliet Sportivi Nazzjonali li ser isir nhar il-Ġimgħa 31 ta’ Jannar 2014. L-isponsorship kien ippreżentat mill-Kap tal-Marketing ta’ GO Kurt Camilleri lill-President tal-GħGS Charles Camenzuli.

Camilleri qal, “Permezz tas-servizz premium sports, GO għandha assoċjazzjoni qawwija ta’ eċċellenza mal-attivitajiet kollha relatati mal-isports. Determinati li noffru l-appoġġ tagħna fl-eċċellenza tal-isports f’Malta u permezz tal-isponsorship tal-premju ‘Żagħżugħ tas-Sena’ qed nilħqu dan l-għan. L-għoti ta’ dawn il-premjijiet hu bla dubju l-qofol tal-kalendarju tal-GħGS imma l-ġurnalisti sportivi jaħdmu bla heda matul is-sena biex iżommu l-pubbliku infurmat dwar il-prestazzjonijiet tal-isportivi Maltin. GO ser tkompli tappoġġja l-isforzi tagħhom bħala sieħeb korporattiv matul l-2014.”

L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Għażliet Sportivi Nazzjonali ser tkun it-53 edizzjoni u n-nominazzjonijiet għaż-‘Żagħżugħ tas-Sena’ jinkludu tliet atleti nisa fosthom il-ġinnasta Suzanne Buttigieg, il-weightlifter Nichole Gatt u l-plejer ta’ squash Colette Sultana. Iż-żewġ nominazzjonijiet l-oħra jinkludu lil Neil Muscat fl-għawm u Nathan Lee Xuereb fl-isparar.

Camenzuli qal, “Il-Premju ta’ ‘Żagħżugħ tas-Sena’ mingħajr dubju juri li l-persuna għandha potenzjal biex tkompli tikber u tikseb aktar suċċessi fil-qasam sportiv. Hu importanti li bħala ġurnalisti, u bħala pajjiż, nagħtu l-appoġġ tagħna lill-atleti żgħażagħ li juru potenzjal u GO qegħda b’mod ċar turi apprezzament ta’ dan. L-GħGS taħdem biex tiżgura li l-premjazzjoni ta’ din is-sena tibni fuq is-suċċessi tas-snin l-oħra u tkompli tgħin lill-ġurnaliżmu sportiv jiżviluppa u jissaħħaħ. Fl-isfond ta’ dan, l-appoġġ ta’ msieħba korporattivi bħal GO huma ta’ għajnuna kbira.”


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/go-tisponsorja-l-ghazliet-sportivi-nazzjonali/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.