Glenn Borg f’Santa Pod u l-Autocross f’Ta’ Qali

Wednesday, May 22, 2019, 14:12

Nhar il-Ħadd li ġej l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi se tkompli b’tiġrija Autocross mil-Kampjonat Nazzjonali Autocross 2018-2019 sponsorjat mid-ditta Pasta Poiatti. Din sa tkun id-disa’ attivtà minn tnax tal-istaġun u ħa ssir fil-Kumpless Sportiv tal-ASMK f’Ta’ Qali u tibda f’nofs in-nhar.

Matul tmiem il-ġimgħa Glenn Borg ser ikun impenjat f’Santa Pod fl-Ingilterra fejn sa jkun qed jieħu sehem fil-Kampjonat Ewropej tad-Drag Racing bil-mutur Suzuki Hyabusa. Borg bħalissa jinsab hemm biex jagħmel il-preparamenti meħtiega biex minn nhar il-Ġimgha jidħol fl-azzjoni bl-ewwel provi tiegħu, waqt li s-Sibt u l-Ħadd ikun qed jagħmel il-ħinijiet uffiċjali. L-ASMK tawgura lil Borg kull suċċess.

Intant nhar il-Ħadd li għadda s-Sezzjoni Motocross tal-Għaqda organizzat is-sitt attività mill-Kampjonat Nazzjonali Honda Motocross 2018/2019. Għal din l-attività irreġistraw 26 mutur fejn għall-ewwel darba f’dan l-istaġun rajna il-parteċipazzjoni ta’ tliet Taljani li ġew apposta biex jieħdu sehem f’din l-attività.

Fil-Motocross Klassi A Kyle Camilleri fuq mutur KTM għal darb’oħra iddomina l-klassi fejn irreġistra rebħa oħra f’dan l-istaġun u kien segwit minn Bernard Sammut fuq mutur Beta.

Fil-Motocross Klassi B fuq il-linja tat-tluq rajna 13-il mutur jieħdu posthom. Fl-ewwel tiġrija Daniel Caruana fuq mutur Honda rebaħ din it-tigrija segwit minn Garry Debono fuq mutur KTM u Krist Falzon fuq mutur Husqvarna. Fit-tieni tiġrija Caruana waqa’ fil-bidu tat-tiġrija u Debono illidja tant li finalment rebaħ it-tiġrija kif ukoll il-Klassi B. Debono kien segwit minn Ryan Faenza fuq mutur Yamaha u mill-Għawdxi Jorn Stellini fuq mutur KTM.

It-tliet Taljani li ħadu sehem fi Klassi B kienu Vincenzo Barone fuq mutur Kawasaki, Emanuele Bougiovanni fuq mutur Suzuki u Fabio Galota fuq mutur Kawasaki. Minkejja li din hija l-ewwel esperjenza tagħhom f’Malta Galota spiċċa fil-ħames post, Bongiovanni spiċċa fis-seba post filwaqt li Barone spiċċa fl-għaxar post. L-ASMK fi tmiem l-attività ipprezentathom b’tifkira kull wieħed tal-parteċipazzjoni tagħhom f’Malta.

Fil-Klassi Motocross Veterans rajna taqtigħa bejn il-veteran Carmelo Borg fuq mutur Suzuki li ddomina din il-klassi u rebaħ il-ġurnata segwit minn Paul Deguara fuq mutur KTM. Fit-tielet post daħal William Sant fuq mutur Honda. Intant attività oħra mill-Kampjonat Nazzjonali Honda Motocross 2018/2019 mistennija ssir fit-2 ta’ Ġunju 2019 bl-attività tibda fl-għaxra ta’ filgħodu.

L-ASMK għadha kemm ħabbret żewġ dati mportanti li huma l-aħħar attività tal-Kampjonat Autocross 2018/2019 li sa ssir nhar is-Sibt 13 ta Lulju 2019. Din l-attività tal-ġurnata tiġi fit-tmiemha bil-Van Demolition Derby 2019.

Data oħra għal attività ferm mitluba li terġa ssir ħa tkun Ladies Demolition Derby iddedikata għall-kompetituri nisa biss. Il-Kumitat Ezekuttiv tal-ASMK iddeċieda li jiftah l-istagun 2019/2020 bl-ewwel attvità li mistennija ssir nhar il-Ħadd 27 t’Ottubru 2019. Il-programm tal-ġurnata jagħlaq bit-tieni edizzjoni tal-Ladies Demolition Derby 2019.

Iktar informazzjoni wieħed jista jsibha fis-sit elettroniku tal-Assoċjazzjoni www.asmk.org.mt jew fil-paġni Facebook bl-isem A.S.M.K. Malta jew Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Wieħed jista jagħmel kuntatt bl-email info@asmk.org.mt jew Mobile 9942 5489.

Ritratti ta’ Mario Micallef





Leave a comment