Gianluca Dingli jirritorna mill-Kampjonat Rok Cup Italia

Thursday, September 3, 2020, 7:40

Is-sewwieq tal-karting Gianluca Dingli irritorna minn Lonato fejn ikkompeta fit-tielet rawnd tal-kampjonat Rok Cup Italia. It-tlielaq saru l-Ħadd 30 ta’ Awwissu. Dingli ikkompeta fil-klassi Super Rok li kienet tikkonsisti minn 14-il sewwieq minn pajjiżi differenti, l-Italja, Svizzera, Monaco, Andorra u Dingli li kien l-unika Malti. Dingli saq mat-tim Taljan Valtex Racing Team.

Waqt il-provi Dingli spiċċa fit-12-il post, filwaqt li aktar tard avvanza erba’ postijiet u spiċċa fit-tmien post. Fl-ewwel tellieqa uffiċjali reġa avvanza erba’ postijiet oħra biex spiċċa fir-raba’ post. Fl-aħħar tellieqa tal-ġurnata Dingli fuq kart numru 308 tilef tliet postijiet u b’hekk spiċċa fis-seba’ post.

Din kienet it-tieni darba li Dingli saq ġewwa Lonato din is-sena u b’hekk qiegħed dejjem isir aktar familjari maċ-ċirkwit u jinsab determinat li jkompli jnaqqas il-ħin tiegħu.

Fil-jiem li ġejjin Gianluca Dingli ser jkun qiegħed jirritorna fl-Italja għal-aktar taħriġ qabel jikkompeti fil-finali tal-karting għad-disa’ darba.

Dingli irringarzzja lill Valtex racing team u lid-ditta tal-magni STM, fejn qal li mingħajr is-sapport tagħhom ma seta qatt jagħmel is-suċċess li għamel ġewwa Lonato.





Leave a comment