Għall-ewwel darba f’Malta ssir konferenza internazzjonali dwar l-Isport u l-Unjoni Ewropea

Friday, June 28, 2019, 9:22

Madwar 100 professjonist u avukati tal-isport minn madwar id-dinja jinsabu f’Malta, għall-ewwel darba, għall-14-il edizzjoni tal-konferenza internazzjonali dwar l-isport u l-Unjoni Ewropea imtella’ mill-Assoċjazzjoni tal-Avukati tal-Isport.

Waqt il-ftuħ ta’ din il-konferenza, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima saħaq li punt ewlieni tal-konferenza jittratta it-trasferiment ta’ minuri. Spjega li ta’ sikwit nisimgħu fuq livell internazzjonali każijiet minuri li jmorru minn pajjiż għall-ieħor isegwu l-ħolma tal-isport professjonali. Madankollu semma kif uħud minnhom jitiflu snin importanti minn ħajjithom minħabba wegħda ta’ kuntratt professjonali.

Qal li għalhekk il-konferenza f’Malta tista’ tkun punt importanti fejn bħala pajjiż inwasslu l-vuċi ta’ dawn l-isportivi biex nipproteġu lil dawn iż-żgħażagħ.

Il-konferenza ‘Sport & EU’ qed iġġib flimkien kelliema mill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll lil Alejandra Salmeron mill-FIFA li se titkellem dwar l-Artikolu 19 tal-istatut tal-Fifa li jitratta fuq it-trasferiment ta’ parteċipanti minuri.

Barra minn hekk din il-konferenza se tinkludi ħdax-il panel li se jitrattaw diversi suġġetti li jvarjaw mill-isport fl-Ewropa, il-Match Fixing, l-aġenti sportivi u r-regolazzjoni tal-isport. Din il-konferenza se tinkludi wkoll erba’ diskussjonijiet dwar l-10 snin ta’ politika sportiva fl-UE u Erasmus+, Il-professjonalita fl-isport Malti u l-isfidi tiegħu u d-diplomazija sportiva.

Din il-konferenza se tittella’ bejn is-27 u t-28 ta’ Ġunju 2019.





Leave a comment