- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Għajnuna finanzjarja lill-parteċipanti tar-Regatta

Posted By Sportinmalta On July 7, 2015 @ 4:29 pm In Featured,Other,Regatta | No Comments

Gavin Muscat

GĦAJNUNA FINANZJARJA LID-DISTRETTI LI PPARTEĊIPAW FIR-REGATTA TA’ JUM IL-ĦELSIEN

L-isport jista’ jkun sfruttat sabiex jgħin lill-ekonomija. Din it-tema kienet il-bażi taż-żewġ diskorsi li għamlu l-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Chris Cardona u s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera.

Il-Ministru Cardona qal li ġeneralment nisimgħu ħafna dwar il-potenzjal tal-isport tourism, però tgħallimna li l-isport għandu kontribut ferm akbar x’joffri lill-ekonomija. Huwa ta l-eżempju tal-RC44 Valletta Cup, u qal li permezz ta’ dan l-avveniment sportiv, Malta attirat professjonisti sportivi ta’ fama internazzjonali, nies li għandhom introjtu kbir u li kellhom l-opportunità jsiru jafu anke dwar il-potenzjal ekonomiku ta’ pajjiżna, filwaqt li kienet esponuta s-sbuħija ta’ pajjiżna, grazzi għall-coverage li ngħatat Malta fuq media internazzjonali. Il-Ministru Cardona qal li hu stmat li bħala pajjiż daħħalna aktar minn’ 1.6 miljun Ewro permezz tal-attività kummerċjali li ġiet iġġenerata minn din l-inizjattiva.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius, qal li huwa importanti li nżommu din it-tradizzjoni għaliex filwaqt li huwa essenzjali li jkun hawn il-kummerċ, għandna wkoll inkunu kburin bit-tradizzjonijiet tagħna, filwaqt li nħarsu l-identità Maltija. Huwa kompla jgħid li jrid jinġibed ħabel wieħed sabiex ir-regatta tieħu lura l-glorja li kienet tgawdi fis-snin l-imgħoddija. Is-Segretarju Parlamentari saħaq fuq il-bżonn li aktar żgħażagħ jersqu lejn dan l-isport tradizzjonali u faħħar l-inizjattiva tal-Għaqda Regatta Nazzjonali li ser terġa torganizza Regatta Youths+ nhar is-Sibt 4 ta’ Lulju fil-bajja tar-Rinella.

Filfatt din hija attività li tifforma parti mill-inizjattiva Solidarjetà bl-Isports 2015 u qed issir biex jissaħħaħ l-isport tal-qdif fost iż-żgħażagħ filwaqt li jinġabru fondi b’risq il-Malta Community Chest Fund. Għall-ħames tiġrijiet tal-kategorija Under 18 jistgħu jieħdu sehem qaddiefa li twieldu fis-sena 1997 jew wara. Din is-sena kien deċiż ukoll li jiġi mogħti Palju lil kull qaddief li se jaqdef fid-dgħajjes li jidħlu l-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet.

Minbarra dawn il-ħamest itlielaq, din is-sena, sejrin isiru wkoll żewġ tiġrijiet bejn membri tal-kumitati, b’waħda minnhom tkun it-“Tiġrija ta’ b’Wieħed” li ilha ma ssir diversi snin u tinqadef fuq dgħajsa tradizzjonali tal-Pass minn qaddief wieħed bil-wieqfa.

Fl-aħħar tal-konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Chris Cardona u s-Segretarju Parlamentari ppreżentaw għotjiet finanzjarji lid-distretti kollha li ħadu sehem fir-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien 2015, sabiex filwaqt li tkompli tissaħħaħ l-viżibilità ta’ pajjiżna u l-ekonomija, jissaħħu wkoll id-dixxiplini sportivi.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/ghajnuna-finanzjarja-lill-partecipanti-tar-regatta/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.