‘Ġgant tal-Integrita u l-Onesta’

Friday, May 30, 2014, 16:55

Javier Zanetti, il-leġġenda tal-futbol sinonimu l-aktar mat-tim nazzjonali tal-Arġentina u ta’ Inter FC fl-Italja, aċċetta stedina li saritlu mill-Malta Football Association u l-Ġimgħa filgħodu sab il-ħin biex iżur l-uffiċini u jiltaqa’ ma’ uffiċjali mill-amministrazzjoni mmexxija minn Bjorn Vassallo, il-Kap Eżekuttiv u Dr. Chris Bonett u Alex Manfre’, Viċi Presidenti tal-Assoċjazzjoni.

 

“Ninsabu onorati li tinsab hawnhekk fostna. Onorati għax minbarra li nafu li qiegħed tibni proġett b’għan benefiku, għandna quddiemna ġgant tal-integrita’ u l-onesta’ tal-futbol mondjali. Għadek kif temmejt karriera importanti u brillanti u ta’ dan ħaqqhek kull tifħir. Qisna parti minnhekk u kull għajnuna li tista’ tiġi bżonn minn Malta, aħna se nkunu qegħdin nappoġġjawk,” qal Vassallo meta fetaħ laqgħa qasira li nżammet fil-kamra tal-Eżekuttiv tal-MFA.

 

Zanetti jinsab f’Malta biex ikompli jkabbar il-proġett għall-fondazzjoni tiegħu bl-isem ta’ PUPI, li tgħin lil dawk it-tfal foqra fl-Arġentina li ma jkollomx saqaf fuq rashom fejn jgħixu. Hu nġieb f’pajjiżna minn Paul Fenech, ħabib personali tiegħu, mgħejjun minn Sergio Soldano, kowċ fiċ-Ċentru Tekniku tal-MFA u eks-kowċ fl-akkademja ta’ Inter FC u ħabib antik tal-istess Zanetti. Il-Malta Tourism Authority wkoll tat is-sehem tagħha biex Zanetti seta’ jkompli jkabbar il-proġett tiegħu f’pajjiżna u permezz tal-immaġini tiegħu jkompli jikber ir-reklam lejn pajjiżna.

 

Zanetti qal kelmtejn tal-okkażjoni fejn irringrazzja lill-MFA u lil Vassallo talli se jsibhom ta’ għajnuna fis-snin li ġejjin.

“Irrid nirringrazzjak personalment u nirringrazzja wkoll lin-nies kollha tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol. Malta diġa’ saret parti importanti minn ħajti u m’hemmx dubju li l-mod ta’ kif ilqgħajtuni intom il-Maltin, għamiltuni ferm aktar kburi biex inkompli naħdem għal min hu l-aktar fil-bżonn. Għandi proġett fit-tul għal Malta.”

 

Tkellmu wkoll Sergio Soldano u Dr. Chris Bonett li min-naħa tagħhom kellhom biss kliem ta’ tifħir għall-eks-captain tal-Arġentina u tal-Inter.

“Il-proġett PUPI jidher li miexi sew. Beda minn pajjiżi oħra u se nagħmlu minn kollox biex ngħinu lil Javier ikabbru f’Malta. Li għandu l-appoġġ tal-MFA hu ta’ aktar kuraġġ għal kulħadd.”

 

Dr. Bonett min-naħa tiegħu prefera jiddedika d-diskors għall-passjoni li għandu hu wkoll għat-tim ta’ Inter FC. Hu rringrazzja lil Mark Attard, uffiċjal tal-Media tal-MFA, li organizza din il-viżita mas-Sur Paul Fenech biex Zanetti jinġieb l-MFA.

“Għalija xi ħaġa kbira li tinsab hawnhekk quddiemi. L-idolu tiegħi sa minn tifel żgħir. Nixtieq nirringrazzjak tal-emozzjonijiet li tajt lid-dilettanti kollha tal-futbol matul il-karriera brillanti li kellek. U l-aktar importanti hu li għamilt dan b’mod pulit u onest,” qal Dr Bonett.

 

Iż-żjara ntemmet bi preżentazzjoni ta’ diversi souvenirs tal-MFA li saret minn Bjorn Vassallo lil Javier Zanetti. Aktar qabel, Zanetti sab ukoll iċ-ċnas biex iżur iċ-Ċentru Tekniku tal-MFA fejn iltaqa’ ma’ diversi kowċis rispettivi tat-timijiet nazzjonali ta’ Malta.

 

L-MFA tirringrazzja lis-Sur Paul Fenech talli għamel din il-viżita waħda possibbli u tawgura suċċess kemm lilu u lil Javier Zanetti fil-proġetti futuri tagħhom.

 

 

 





Leave a comment