Gatorade Futsal League: Ġimgħa 3

Tuesday, December 20, 2016, 13:50

Gavin Muscat

Matul din il-ġimgħa tkompla l-Gatorade Futsal League fejn Msida għelbu lil Tarxien JMI bl-iskor ta’ 7-5.

Msida kienu dominanti fl-ewwel taqsima hekk kif sabu x-xibka permezz tad-doppjetti ta’ Liam Cachia u George Frendo. Vince Camilleri naqqas id-distakk għal Tarxien JMI, erba’ minuti mit-tmiem tal-ewwel taqsima. Msida komplew ikabbru l-vantaġġ b’gowl ieħor għal George Frendo u Liam Cachia, flimkien mal-gowl ta’ Armando Gjepali. Għall-Misidjani tkeċċa l-gowlkiper tagħhom Gallen Mifsud u Tarxien JMI skurjaw erba’ gowls oħra permezz ta’ Preston Ellul, Mark Micallef u doppjetta għal Silvio Saliba.

————————————————————————————————————————————————————-

Safi San Lorenzo jibqgħu bla rebħ, hekk kif ġew megħluba minn Swieqi bl-iskor ta’ 7-1. Għal Swieqi skurjaw darbtejn il-Bulgari Dimitar Petev u Boicho Marev, flimkien mal-gowls ta’ Andre Ciancio, Christian Wismayer u Redeemer Borg. Il-gowl ta’ konsolazzjoni għal Safi San Lorenzo wasal mingħamd Clive Calleja.

————————————————————————————————————————————————————-

Qrendi ħarġu rebbieħa fuq it-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi bl-iskor ta’ 10-4. Għal Qrendi kellna erba’ gowls kull wieħed għal Alan Spiteri u Craig Pickard u doppjetta għal Bertram Azzopardi. Swieqi U21 irrispondew Nikolai Dimech, Karl Sciortino, Dylan Pace u Dale Vella.

————————————————————————————————————————————————————-

Il-Ħamis filgħaxija il-logħba bejn it-tim tal-Università u Zurrieq Wolves, ġiet abbandunata meta fit-tieni taqsima beda dieħel ammont kbir ta’ ilma tax-xita mis-saqaf tal-padiljun. Sa’ dak il-ħin l-iskor kien qed jara lill-Universitarji minn fuq bl-iskor ta’ 4-0. Il-Ġimgħa filgħodu l-Futsal Malta Association ikkomunikat mill-ewwel mal-Assoċjazzjoni Sport Hibernians, b’dawn tal-aħħar għamlu t-tiswijiet meħtieġa u b’hekk setgħu jintlagħbu l-aħħar żewġ logħbiet għal din il-ġimgħa.

————————————————————————————————————————————————————-

Luxol għelbu lill-Msida bl-iskor ta’ 7-2, b’doppjetti ta’ Glenn Bonello u Carl Azzopardi, flimkien mal-gowls ta’ Frane Despotovic, Andy Mangion u Celino Alves. Floren Manea skurja ż-żewġ gowls ta’ Msida.

————————————————————————————————————————————————————-

Fl-aħħarnett Swieqi għelbu lil Qormi bl-iskor ta’ 8-2. Spikka l-Bulgaru Boicho Marev li skurja erba’ gowls, flimkien mal-gowls ta’ Kurt Bartolo, Christian Wismayer, Fredrik Johansson u Redeemer Borg. Iż-żewġ gowls ta’ Qormi waslu mingħand Antoine Galea u Miguel Alcaraz.





Leave a comment