Gatorade Futsal League: Ġimgħa 12

Tuesday, March 7, 2017, 16:21

Gavin Muscat

Swieqi nesew iż-żewġ telfiet konsekuttivi kontra Luxol u Valletta, hekk kif għelbu lil Marsascala Construct Furniture bl-iskor ta’ 11-2. B’dan ir-riżultat Swieqi ġew waħedhom fir-raba’ post tal-klassifika. Min-naħa l-oħra Marsascala jibqgħu isibuha bi tqila biex jiksbu aktar punti fil-kampjonat. Swieqi meritatament komplew juru li huma fost l-aqwa timijiet tal-futsal lokali.

Bidu tajjeb għal Swieqi li marru fil-vantaġġ bl-iskor ta’ 4-1 qabel tmiem l-ewwel taqsima. Redeemer Borg, Dexter O’Brien, Fredrik Johannson u Boicho Marev skurjaw għal Swieqi. Marsascala naqsu l-iskor permezz ta’ Johann Callus.

Fit-tieni taqsima Swieqi komplew iżidu l-qawwa tagħom meta Boicho Marev u Redeemer Borg għaqdu doppjetta. Dexter O’Brien skurja darbtejn oħra flimkien mal-gowls ta’ Veselin Ivanov Gerenski, Dimiter Petev u Christian Wismayer. Għal Marsascala Construct Furniture reġa’ skurja Johann Callus.

————————————————————————————————————————————————————-

Il-leaders Luxol ikomplu għaddejin bil-forma tajba tagħhom meta għelbu lit-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi bl-iskor ta’ 12-1. Għal Luxol Carl Azzopardi kien il-protagonist prinċipali bi tripletta personali. Emil Raducu, Andy Mangion, Dejan Bizjak u Zvezdan Vukovic kellhom doppjetta kull wieħed, flimkien mal-gowl ta’ Celino Alves. Il-gowl ta’ konsolazzjoni għaż-żgħażagħ ta’ Swieqi wasal mingħand Darryl Schembri.

————————————————————————————————————————————————————-

Iċ-ċampjins Valletta kellhom rebħa komda fuq it-tim ta’ qiegħ il-klassifika Zurrieq Wolves, meta għelbuhom bl-iskor ta’ 16-1. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, il-Beltin kienu diġà b’vantaġġ ta’ 7-1. Il-Brażiljan Raphael Felipe Ortiz de Oliveira skurja xejn anqas minn sitt gowls. Jovica Milijic kellu tripletta u Rodrigo Ticz Patricio kellu doppjetta. Xavier Saliba, Josef Borg, Melvin Borg u Denis Di Maio skurjaw gowl kull wieħed, flimkien ma’ awtogowl.

————————————————————————————————————————————————————-

Hamrun Tre Angeli u t-tim tal-Università tħabbtu mhux ftit, f’partita xi ftit ikkulurita u li rat il-Ħamruniżi joħorġu rebbieħa bl-iskor ta’ 10-4. Fl-ewwel erba’ minuti Hamrun Tre Angeli skurjaw tliet darbiet u immedjatament l-Universitarji naqsu l-iskor b’żewġ gowls. Iżda qabel tmiem l-ewwel taqsima l-Ħamruniżi skurjaw żewġ gowls oħra fi żmien qasir.

Fil-bidu tat-tieni taqsima l-Universitarji skurjaw it-tielet gowl tagħhom. Din ir-reazzjoni poġġiet lil Ħamruniżi fuq l-attakk u t-tim tal-Università spiċċa b’żewġ plejers imkeċċija. Minn hawn ‘il quddiem Everton Da Silva Santos ta’ Hamrun kien ta’ theddida kontinwa għall-avversarji. Dan isarraf f’erba’ gowls għal Da Silva Santos u doppjetta għall-eks tal-partita Cleaven Portelli.

Florin Anton, Jason Mifsud Luke Stivala u Daniel Mifsud skurjaw ukoll għal Hamrun Tre Angeli. Min-naħa l-oħra Gaetano Gesualdi, Leo Muscat u Andrea Farrugia skurjaw għat-tim tal-Università.

————————————————————————————————————————————————————-

F’aktar logħbiet li kellna matul din il-ġimgħa Mriehel ESS komplew juru progress fil-kampjonat, meta għelbu lil Qrendi bl-iskor ta’ 13-5. Sliema Wanderers ukoll ikomplu l-mixja pożitiva tagħhom, meta għelbu lil Tarxien JMI bl-iskor ta’ 11-2. Fl-aħħar nett Msida kisbu tliet punti importanti u tbiegħdu mill-istess Qormi, meta rebħulhom bl-iskor ta’ 13-2.

————————————————————————————————————————————————————-

Klassifika

Luxol 36;

Valletta 31;

Hamrun Tre Angeli 30;

Swieqi 24;

UOM 21;

Msida SJ 19;

Mriehel ESS & Sliema Wanderers 17;

Safi San Lorenzo & Qormi 15;

Qrendi 9;

Marsascala Construct Furniture 6;

Swieqi U21 & Tarxien JMI 3;

Zurrieq Wolves 0





Leave a comment