Gatorade Futsal League: Ġimgħa 8

Thursday, January 19, 2017, 20:30

Gavin Muscat

Wara serje pożittiva ta’ sitt rebħiet konsekuttivi, Ħamrun Tre Angeli taw l-ewwel telfa lil Swieqi. F’logħba ferm eċċitanti Ħamrun Tre Angeli ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 6-5.

Fil-bidu kienu Swieqi fil-vantaġġ iżda l-Ħamruniżi dawru r-riżultat favurihom fit-tieni taqsima. Swieqi kellhom prestazzjoni tajba ħafna u daqstant ieħor il-gowlkiper Ħamruniż Matthew Mifsud, li fit-tieni taqsima kien strumentali biex itellef lil Swieqi milli jkomplu jiskurjaw. Swieqi sabu x-xibka permezz  ta’ Jason Gauci, Redeemer Borg, Boicho Marev, Fredrick Johansson u Andre Ciancio. Ħamrun Tre Angeli rrispondew b’tripletta ta’ Everton Da Silva Santos, doppjetta ta’ Daniele Degennaro u awtogowl.

Matul din il-ġimgħa kellna wkoll dro interessanti ta’ 4-4 bejn Mriehel ESS u Sliema. Riżultat li ħalla ż-żewġ timijiet b’punti ndaqs fil-klassifika. Għaldaqstant kien riżultat ġust li ppremja l-isforzi taż-żewġ timijiet. Għal Mriehel ESS skurja darbtejn Eslam Khalifa flimkien mal-gowls ta’ Julian Rodriguez u Emanuel Muscat. Għal Sliema kellna doppjetta ta’ Adam Wingfield flimkien mal-gowls ta’ Aleksander Ribic u Darren Agius.

It-tim tal-Università (UOM) komplew fejn ħallew nhar il-Ħamis 8 ta’ Diċembru u għelbu lil Zurrieq Wolves bl-iskor ta’ 8-0. Fil-fatt din il-logħba kienet diġa nbdiet u kellha titwaqqaf minħabba l-ilma li daħal mis-saqaf tal-Padiljun Sportiv ta’ Kordin. Dakinhar intlagħbu sitta u għoxrin minuta u l-iskor kien ta’ 4-0 għat-tim tal-Università. L-iskor finali ra l-erba’ gowls ta’ Andrea Farrugia, doppjetta ta’ Djordje Maksimovic u gowls ta’ Shawn Deguara u Martin Caruana.

Il-kampjonat tal-futsal ikompli nhar it-Tnejn 30 ta’ Jannar, hekk kif it-tim nazzjonali Malti, se jkun qed jipparteċipa fi Grupp D ta’ kwalifikazzjoni għall-UEFA Futsal Euro 2018. F’dan l-istess grupp hemm il-Bulgarija li qed jospitaw dawn il-logħbiet ta’ kwalifikazzjoni, flimkien mal-Albanija u l-Ingilterra. Dawn il-logħbiet se jintlagħbu bejn l-24 u d-29 ta’ Jannar 2017.

Klassifika:
Luxol 21;

Valletta 18;

Ħamrun Tre Angeli, Swieqi FC 15;

Msida, Qormi Futsal, UOM 12;

Safi Lorenzo, Qrendi 9;

Mrieħel ESS, Sliema 7;

Marsascala Construct Furniture 6;

Tarxien JMI, Żurrieq Wolves, Swieqi U21 0.





Leave a comment