Gatorade Futsal League: Ġimgħa 6

Sunday, January 8, 2017, 17:22

Gavin Muscat

It-timijiet il-kbar tal-futsal bħal Luxol, Ħamrun Tre Angeli u Valletta, temmew is-sena 2016 b’rebħiet faċli. Għaldaqstant fl-ewwel ġimgħa tas-sena 2017, se jkollna l-ewwel konfront dirett u interessanti bejn Luxol u Ħamrun Tre Angeli. Min-naħa l-oħra Valletta se jaffrontaw lil Safi San Lorenzo, f’konfront li għandu jkun wieħed faċli għall-Beltin.

Matul din il-ġimgħa Marsascala Construct Furniture għelbu lil Qrendi bl-iskor ta’ 5-3. Għall-Iskalin spikka fost l-oħrajn il-Brażiljan Paulo Caetano li kellu tripletta, flimkien mad-doppjetta ta’ Steve Gambin. Għal Qrendi din kienet it-tielet telfa konsekuttiva, iżda rnexxielhom inaqqsu l-iskor b’doppjetta ta’ Antonello Brincat u gowl ta’ Craig Pickard.

Waslet ukoll l-ewwel rebħa għal Mrieħel ESS li għelbu lil Zurrieq Wolves bl-iskor ta’ 10-1. Għal Mrieħel ESS kellna tripletti ta’ Eslam Khalifa u Ayoub Ahmed, flimkien ma’ l-erba’ gowls ta’ Wizam El Zaredei.

Ħamrun Tre Angeli kellhom rebħa tajba ta’ 9-0 fuq it-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi. Il-Ħamruniżi sabu x-xibka darbtejn permezz ta’ Florin Anton, Everton Veve u Daniele Degennaro, flimkien mal-gowls ta’ Frank Paul Azzopardi, Peter Pullicino u Jason Mifsud.

It-tim tal-Università deher li kien se jagħti reżistenza lit-tim ta’ Valletta, bl-ewwel taqsima tintemm 3-0 favur il-Beltin. Jovica Milijic u Carlo Scicluna poġġew lil Valletta fil-vantaġġ u lejn tmiem l-ewwel taqsima Raphael Felipe Ortiz de Oliveira (Raphinha) falla minn fuq it-tieni penalty spot. Għaldaqstant Xavier Saliba patta għan-nuqqas ta’ Raphinha u fl-aħħar minuta skurja minn fuq it-tieni penalty spot.

Fit-tieni taqsima l-Beltin ħarġu determinati u tefgħu kollox fuq l-attakk u ħadu l-kontroll assolut tal-logħba. Raphinha skurja erba’ darbiet, flimkien mad-doppjetti ta’ Chris Cardona u Mohammed Abdussalam Elamari. L-uniku gowl għall-Universitarji wasal minn awtogowl.

Fl-aħħarnett Luxol ma’ batew xejn biex għelbu lil Safi San Lorenzo bl-iskor ta’ 16-0. Għat-tim minn St. Andrews skurja erba’ darbiet Celino Alves, tliet darbiet Glenn Bonello u Frane Despotovic, darbtejn Emil Andrei Raducu, u Mark Zammit flimkien mal-gowl ta’ Andy Mangion u awtogowl.

————————————————————————————————————————————————————-

Il-kampjonat tal-Gatorade Futsal League ikompli b’dawn il-logħbiet:

It-Tnejn 2/1/17

Sliema vs Swieqi (8:00pm)

Tarxien JMI vs Qrendi (9:15pm)

It-Tlieta 3/1/17

Qormi vs Żurrieq Wolves (9:15pm)

Il-Ħamis 5/1/17

Marsascala Construct Furniture vs UOM (8:00pm)

Mrieħel ESS vs Swieqi U21 (9:15pm)

Il-Ġimgħa 6/1/17

Valletta vs Safi San Lorenzo (8:00pm)

Luxol vs Ħamrun Tre Angeli (9:15pm)





Leave a comment