Gatorade Futsal League: Ġimgħa 4

Thursday, December 22, 2016, 18:51

Gavin Muscat

Matul din il-ġimgħa tkompla l-Gatorade Futsal League, b’Luxol u Valletta jkomplu juru li bis-saħħa se jiġġieldu għar-rebħ tal-kampjonat. Iż-żewġ timijiet qed juru logħob sabiħ, b’ħafna gowls li ftit qed jagħtu ċans lill-avversarji tagħhom.

Iċ-champions Valletta għelbu lill-Imsida bl-iskor ta’ 11-2. Għal darb’oħra s-surmast fil-logħba kien il-Brażiljan ta’ Valletta Raphael Felipe Ortiz de Oliveira, li l-wirja brillanti tiegħu ssarfet f’erba’ gowls. Għall-Beltin, Jovica Milijic irnexxielu wkoll jagħmel tripletta, flimkien mad-doppjetta ta’ Denis di Maio, gowl ta’ Dyla Musu u awtogowl. Il-gowls ta’ konsolazzjoni Misidjani waslu mingħand Armando Gjepali u George Frendo.

Luxol ukoll kellhom rebħa massiva ta’ 22-0 fuq Qrendi. It-tim minn St. Andrew’s iddomina b’Andy Mangion li skurja erba’ gowls, tripletta ta’ Mark Zammit, doppjetti għal Zvezdan Vukovic, Frane Despotovic, Carl Azzopardi, Nicola del Re, Glenn Bonello u Giancarlo Sammut flimkien mal-gowl ta’ Emil Raducu. Qrendi komplew ikunu sfortunati li wettqu wkoll awtogowl.

Intant waslet l-ewwel rebħa għal Safi San Lorenzo, hekk kif għelbu lill-ġirien tagħhom Zurrieq Wolves bl-iskor ta’ 11-1. It-tim ta’ Safi San Lorenzo lagħab il-logħba tal-pussess tal-ballun, bi Clive Calleja li kien ta’ ispirazzjoni għal sħabu. Mexxa sew lit-tim kemm fid-difiża u kemm fl-attakk, b’mod speċjali minn fuq in-naħa leminija. Għal Safi San Lorenzo kellna lil Sean Vella li skurja erba’ darbiet, Jonathan Bellizzi u Terrence Cachia skurjaw darbtejn u gowl kull wieħed għal Franklin Seisun, Desmond Kind u Wayne Hamer.

It-tim tal-Universitá kellu rebħa tajba ta’ 8-0 fuq it-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi. L-Universitarji kellhom diġa vantaġġ ta’ ħames gowls qabel il-mistrieħ. Il-plejer Serb Djordje Maksimovic u Jake Azzopardi serqu x-xena bi ġmiel ta’ tliet gowls. Andrea Farrugia, Martin Caruana, Leo Muscat u awtogowl ta’ Luca Zarb ssiġillaw din ir-rebħa għat-tim tal-Università.

Marsaskala Construct Furniture ukoll kisbu l-ewwel tliet punti tagħhom, meta għelbu lil Tarxien JMI bl-iskor ta’ 5-3. L-Iskalin pproduċew logħob sabiħ u skurjaw fil-mumenti kruċjali tal-logħba. Tarxien kellhom isofru t-tielet telfa konsekuttiva, minkejja li ppruvaw minn kollox biex jieħdu imqar punt minn din il-logħba. Reuben Degabriele skurja darbtejn għal Marsascala, flimkien mal-gowls ta’ Denzil Pisani, Franklin Abela u Ryan Mifsud. Għal Tarxien JMI kellna doppjetta ta’ Silvio Saliba u gowl ta’ Michele Bucciano.

Luxol(vjola) vs Qrendi(bojod)

Valletta(bojod) vs Imsida(blu)





Leave a comment