Gatorade Futsal League: Luxol jegħlbu lil Valletta u Msida fil-quċċata tal-Ewwel Diviżjoni

Wednesday, April 26, 2017, 16:16

Stephen Azzopardi

Matul din il-ġimgħa kellna żewġ logħbiet mir-rawnd tal-Elite li fihom Luxol u Ħamrun Tre Angeli ħarġu rebbieħa. Bħal dejjem il-konfront bejn Luxol u Valletta joffri diversi emozzjonijiet u jżomm lil dawk preżenti fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin fuq ix-xwiek. Minkejja xi nuqqasijiet fil-formazzjoni taż-żewġ timijiet, sew Luxol u sew Valletta offrew logħba mill-aktar bilanċjata, tant li l-ewwel taqsima intemmet bl-iskor ta’ 0-0.

Fil-bidu tat-tieni taqsima, il-logħba ħadet żvolta differenti hekk kif ir-referi Jonathan Mallia kellu juri l-karta l-ħamra diretta lejn Dylan Musu ta’ Valletta, għal xi rimarki li huwa għadda. Ftit tal-ħin wara, fir-raba’ minuta, Nicola Del Re ħasad lil kulħadd u fetaħ l-iskor għat-tim minn St. Andrews. Għalkemm il-Beltin tefgħu kollox fuq l-attakk b’Xavier Saliba li ħareġ bħala flying keeper, Luxol irnexxielhom jirduppjaw l-iskor permezz ta’ Celino Alves. Aktar tard fit-tieni taqsima, Xavier Saliba minn fuq it-tieni penalty spot laqat il-lasta l-mimduda u tilef ċans kbir għal Valletta li jnaqqas l-iskor. Il-logħba intemmet bl-iskor finali ta’ 2-0, fost il-ferħ tal-partitarji preżenti ta’ Luxol.

————————————————————————————————————————————————————-

Hamrun Tre Angeli li kienu mingħajr il-Brażiljan Everton Da Silva Santos, xorta ma sabu l-ebda diffikultà biex biex għelbu lill-Universitarji bl-iskor ta’ 6-1. Għal Ħamrun Tre Angeli kellna doppjetti għal Jason Mifsud u Cleaven Portelli, flimkien mal-gowls ta’ Florin Anton u Peter Pullicino. Il-gowl ta’ komsolazzjoni għat-tim tal-Università ġie skurjat minn Glen Sultana.

————————————————————————————————————————————————————-

Intant Msida SJ jinsabu fil-quċċata tal-Ewwel Diviżjoni b’31 punt, segwiti minn Sliema Wanderers li għandhom 30 punt. Msida SJ matul din il-ġimgħa għelbu lil Qormi bl-iskor ta’ 5-3. Il-Qriema fil-bidu kienu ferm tajbin u malajr kellhom vantaġġ doppju qabel tmiem l-ewwel taqsima. Il-Misidjani damu ftit biex jirkupraw, iżda rnexxielhom jagħmlu dan b’doppjetta ta’ Mohammed Lamari, gowl kull wieħed għal Liam Cachia u Floren Manea, flimkien ma’ awtogowl. Il-gowls ta’ Qormi waslu mingħand George Chircop, Andrew Catania u Lawrence Vella.

————————————————————————————————————————————————————-

Sliema Wanderers kisbu rebħa konvinċenti oħra, din id-darba kontra Marsascala Construct Furniture, bl-iskor ta’ 10-1. Is-Slimiżi marru minn fuq b’gowls ta’ Radovan Duric u Aleksander Ribic. F’qasir żmien, Marsascala Construct Furniture naqqsu l-iskor permezz ta’ Reuben Degabriele. Madanakollu Sliema Wanderers ma reġgħux taw ċans lill-avversarji biex jerggħu jiskurjaw u għalqu l-ewwel taqsima, b’doppjetta ta’ Mauro Busuttil u gowl ta’ Sean Keane Cassar Degabriele. Fit-tieni taqsima, Marasacala kellhom ibaxxu rashom u jsofru aktar gowls, mingħand Radovan Duric, Uros Markovic, Christian Micallef, Mauro Busuttil u Nikolay Filipov.

————————————————————————————————————————————————————-

Safi San Lorenzo reġgħu ħarġu rebbieħa, hekk kif din id-darba għelbu lil Tarxien JMI bl-iskor ta’ 7-2. Għal Safi San Lorenzo skurja tliet darbiet Clive Calleja, flimkien mal-gowls ta’ Mauro D’Amato, Reuben Vella, Sean Vella u Neil Vella. L-uniċi żewġ gowls ta’ Tarxien JMI waslu mingħand Preston Ellul u Alan Cachia.

————————————————————————————————————————————————————-

Konfront mill-aktar interessanti kien dak bejn Qrendi u Mriehel ESS, fejn Qrendi ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 10-8. B’din it-telfa Mriehel ESS ġew fit-tielet post b’ħames punti żvantaġġ wara Msida SJ. Min-naħa l-oħra Qrendi kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva, b’doppjetti ta’ Antonello Brincat, Craig Pickard, Alan Spiteri u Bertram Azzopardi, flimkien mal-gowls ta’ David Delicata u Dwayne Grech. Għal Mriehel ESS skurja erba’ darbiet Ayoub Ahmed, darbtejn Faisal Alnakua u gowl kull wieħed għal Kamal Edgeli u Ayrtin Duncan.

————————————————————————————————————————————————————-

Fl-aħħarnett it-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi għeleb lil Zurrieq Wolves bl-iskor ta’ 7-1. Spikka fost l-oħrajn Timothy Gingell li kellu tripletta, flimkien mal-gowls ta’ Lydon Baldacchino, Dean Bonello, Jamie Mangion u awtogowl ta’ Mario Camilleri. Russell Camilleri skurja l-uniku gowl għal Zurrieq Wolves.

Ritratt: Joe Borg

Nicola Del Re jiftaħ l-iskor għal Luxol





Leave a comment