Gatorade Futsal League: L-Universitarji jtemmu l-avventura tagħhom fl-Elite, qabel ma jibdew il-Playoffs

Wednesday, May 10, 2017, 13:33

Stephen Azzopardi

Ġie fi tmiemu t-tielet staġun tal-Universitarji fil-kampjonat tal-futsal lokali. Wara sentejn fl-Ewwel Diviżjoni, din is-sena komplew jgħollu l-livell tagħhom, meta akkwistaw posthom fir-rawnd tal-Elite mal-aqwa erba’ timijiet. Fl-aħħar logħba tagħhom kontra Luxol tilfu bl-iskor ta’ 9-1. Luxol dehru mill-ewwel li kienu se jikkontrollaw din il-partita, hekk kif kienu 6-0 minn fuq qabel tmiem l-ewwel taqsima. Luxol skurjaw permezz ta’ erba’ gowls ta’ Dejan Bizjak, u gowl kull wieħed għal Carl Azzopardi, Frane Despotovic, Emil Raducu, Celino Alves u awtogowl ta’ Jonathan Sammut. Il-gowl ta’ konsolazzjoni għall-Universitarji ġie skurjat minn Martin Caruana.

Valletta għalqu dan ir-rawnd tal-Elite b’rebħa, meta għelbu lil Swieqi bl-iskor ta’ 4-3. Din kienet logħba bejn żewġ timijiet li posthom kien ċert għall-playoffs. Il-Beltin sabu x-xibka permezz ta’ Josef Borg, Melvin Borg, Denis Di Maio u Xavier Saliba. Swieqi li taw ukoll sfida denja lil Valletta, sabu x-xibka permezz ta’ doppjetta ta’ Boicho Marev u gowl ta’ Kurt Bartolo.

B’hekk issa skont it-tabella t’hawn taħt, l-ewwel erba’ klassifikati li huma Luxol, Hamrun Tre Angeli, Valletta u Swieqi, se jilgħabu kontra xulxin fil-playoffs:

Luxol …………………….49

Hamrun Tre Angeli ….46

Valletta …………………39

Swieqi …………………..36

UOM ………………………25

Dawn huma l-logħbiet tas-semifinali tal-playoffs:

12/5/17 @20:00 Luxol vs Swieqi

12/5/17 @21:15 Hamrun Tre Angeli vs Valletta

19/5/17 @20:00 Swieqi vs Luxol

19/5/17 @21:15 Valletta vs Hamrun Tre Angeli

——————————————————————————–

Inant mill-ewwel diviżjoni, Sliema Wanderers kisbu rebħa importanti ta’ 8-6 kontra Msida SJ, biex aċċertaw posthom waħedhom fil-quċċata tal-klassifika. Il-Wanderers kellhom lil Radovan Duric u lil Aleksander Ribic fl-aqwa tagħhom, hekk kif skurjaw tliet gowls kull wieħed. Mauro Busuttil u Nikolay Filipov skurjaw ukoll għall-Wanderers. Msida f’diversi ħinijiet daħlu sew fil-partita u sabu x-xibka permezz ta’ doppjetta ta’ Chris Cardona u gowl kull wieħed għal Chris Cutajar, Mohammed Lamari, Liam Cachia u George Frendo.

Wara serje ta’ tliet telfiet konsekuttivi kontra Sliema, Qrendi u Msida, Mriehel ESS rritornaw għar-rebħ. F’logħba ferm bilanċjata kontra Qormi, Mriehel ESS irnexxielhom jamministraw il-logħba fl-aħħar waqtiet tagħha. It-tim ta’ Mriehel ESS kiseb din ir-rebħa bl-iskor ta’ 8-2, fejn fiha spikka Ayoub Ahmed li skurja darbtejn. Il-gowls l-oħra ta’ Mriehel ESS waslu mingħand Kenneth Bonanno, Essa Benatiya, Marwan Telisi, Faisal Alnakua, Kamal Edgeli u Eslam Khalifa. Qormi naqsu l-iskor permezz tad-doppjetta ta’ James Tabone.

Konfront ieħor eċċitanti kien dak bejn Tarxien JMI u t-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi, li fih ra lit-Tarxiniżi jirbħu bl-iskor ta’ 5-4. Konfront bejn żewġ timijiet li qed jissieltu biex jinqalgħu mill-qiegħ tal-klassifika. Tarxien JMI kienu ferm tajbin fil-bidu tal-partita, tant li kellhom vantaġġ ta’ tliet gowls permezz ta’ Ruben Sanchez, Joseph Meilak u Mark Galea. Fil-bidu tat-tieni taqsima Jurgen Ciantar naqqas id-distakk momentarjament, hekk kif Tarxien JMI komplew ikabbru l-vantaġġ permezz ta’ Ruben Sanchez u Michele Bucciano. Kien tard wisq għat-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi li pruvaw iwettqu risposta bil-gowls ta’ Timothy Gingell, Karl Sciortino u Darryl Schembri.

Skor identiku ta’ 5-4 fejn Marsascala Construct Furniture ħarġu rebbieħa fuq Safi San Lorenzo. Marsascala irnexxielhom idawru telfa f’rebħa f’qasir żmien, fl-aħħar sekondi tal-logħba, li kienet ixaqleb fuq iż-żewġ naħat il-ħin kollu. Għal Marsascala Construct Furniture kellna doppjetta ta’ Johann Callus, flimkien mal-gowls ta’ Reuben Degabriele, Steve Gambin u Franklin Abela. Għal Safi San Lorenzo kellna doppjetta ta’ Clive Calleja, flimkien mal-gowls ta’ Alexei Saliba u Mauro D’Amato.

Zurrieq Wolves reġgħu soffrew telfa oħra, din id-darba kontra Qrendi bl-iskor ta’ 17-3. It-tim ta’ Qrendi kellu xalata ta’ gowls li ħamsa minnhom ġew skurjati minn Craig Pickard, erbgħa minn Bertram Azzopardi, erbgħa oħra minn Antonello Brincat u doppjetti personali għal Ronald Spina u David Delicata. It-tliet gowls ta’ Zurrieq Wolves ġew minn doppjetta ta’ Alistair Camilleri u gowl ta’ Russell Camilleri.

B’hekk bir-rebħa importanti li kellhom din il-ġimgħa Sliema Wanderers fuq Msida, jibqgħu waħedhom fil-quċċata tal-klassifika b’39 punt, segwiti mill-istess Msida li għandhom 34 punt.

——————————————-

Klassifika tal-Ewwel Diviżjoni

Sliema Wanderers …………………39

Msida SJ …………………………….34

Mriehel ESS ………………………..29

Qormi ……………………………….25

Safi San Lorenzo ………………….24

Qrendi ………………………………19

Tarxien JMI ………………………..15

Marsascala Construct Furniture ..12

Swieqi U21 ………………………..12

Zurrieq Wolves ……………………3

————————————————————————————————————————————————————-

Gallery

————————————————————————————————————————————————————-

————————————————————————————————————————————————————-





Leave a comment