Gatorade Futsal League: Ġimgħa 11

Thursday, March 2, 2017, 22:35

Gavin Muscat

Valletta għelbu lil Swieqi United bl-iskor ta’ 7-1, proprju xahar qabel il-konfront tagħhom kontra l-liders Luxol. Din il-logħba ferm mistennija se tkun qed tagħlaq l-ewwel rawnd tal-kampjonat.

Swieqi bħalma ġralhom il-ġimgħa li għaddiet kontra Luxol kienu huma li marru fil-vantaġġ, hekk kif wara ħames minuti logħob Boicho Marev fetaħ l-iskor. Iżda Valletta rrispondew b’żewġ gowls ta’ Daniel Jesus Aguilera Puerto u gowl ta’ Raphael Felipe Ortiz de Oliveira, qabel tmiem l-ewwel taqsima.

Mal-bidu tat-tieni taqsima, reġa’ kien Aguilera Puerto li skurja għall-Beltin. Ftit wara kien imiss lil Djeymes Mauricio Batista Trindade li għamilhom 5-1. Lejn nofs it-tieni taqsima, xutt b’saħħtu ta’ Andre Ciancio naqas il-marġni tal-iskor għal Swieqi. Min-naħa l-oħra Valletta baqgħu determinati li jkomplu jkabbru r-riżultat, permezz tar-raba’ gowl personali ta’ Aguilera Puerto u gowl ta’ Xavier Saliba fl-aħħar sekondi tal-partita.

Luxol komplew jiddominaw f’ras il-klassifika b’punti massimi, meta ġabu fix-xejn lit-tim ta’ qiegħ il-klassifika Zurrieq Wolves bl-iskor ta’ 23-0. Rebħa massiva b’erba’ gowls kull wieħed għal Celino Alves, Nicola Del Re u Andy Mangion, flimkien mat-tripletta ta’ Dejan Bizjak, doppjetti għal Zvezdan Vukovic, Frane Despotovic u Carl Azzopardi, gowl għal Matthew Attard u awtogowl.

It-tim tal-Università kiseb is-sitt rebħa konsekuttiva meta għeleb lil Safi San Lorenzo bl-iskor ta’ 4-1. Fl-ewwel taqsima l-Universitarji marru fil-vantaġġ permezz ta’ Leo Muscat u Andrea Farrugia. Fit-tieni taqsima l-gowlkiper Universitarju Matthew Gatt ġie mpenjat diversi drabi u żamm għal ħin twil ix-xibka bla mittiefsa. It-tim tal-Università beda jaħdem hafna b’kontrattakki veloċi li wasslu lil Leo Muscat biex jiskurja t-tieni gowl personali. Għaldaqstant Safi San Lorenzo bdew jilagħbu bil-flying keeper u rnexxielhom inaqssu l-iskor permezz ta’ Franklin Seisun. Fl-aħħarnett Martin Caruana minn fuq it-tieni penalty spot għamel l-iskor finali ta’ 4-1 għat-tim tal-Università.

Hamrun Tre Angeli għelbu lil Qrendi bl-iskor ta’ 12-2. Cleaven Portelli u Everton Da Silva Santos kienu fl-aqwa tagħhom meta skurjaw ħames u erbgħa gowls rispettivament. Luke Stivala skurja doppjetta u Jason Mifsud skurja wkoll għal Hamrun Tre Angeli. L-uniċi żewġ gowls ta’ Qrendi waslu mingħand Antonello Brincat u Bertram Azzopardi.

Sliema wara d-dro prestiġġjuż kontra Valletta, din id-darba ħarġu rebbieħa kontra Marsascala Construct Furniture bl-iskor ta’ 11-7. Għal Sliema skurja erba’ darbiet Radovan Duric u gowl kull wieħed għal Alexander Ribic, Nikolay Filipov, Jurgen Mifsud, Mauro Busuttil, Uros Markovic, Adam Wingfield u Darren Aitchinson. Il-gowls Skalin waslu mingħand doppjetti ta’ Justin Mifsud u Denzil Pisani, flimkien mal-gowls ta’ Reuben Degabriele, Franklin Abela u Angelo Dimech.

Mriehel ESS kisbu dro drammatiku ta’ 7-7 kontra Msida SJ, meta skurjaw l-aħħar tliet gowls fl-aħħar nofs minuta logħob. Msida kellhom vantaġġ komdu b’doppjetti ta’ Chris Cardona, Liam Cachia u Mohammed Lamari, flimkien mal-gowl ta’ George Frendo. Għal Mriehel ESS kellna doppjetti ta’ Marwan Telisi, Essa Benatiya u Kamal Egdeli, flimkien mal-gowl ta’ Faisal Alnakua.

Fl-aħħarnett waslet l-ewwel rebħa għal Tarxien JMI li qalgħathom minn qiegħ il-klassifika, meta għelbu lil Qormi bl-iskor ta’ 5-2. Għal Tarxien JMI skurja darbtejn Silio Saliba u gowl kull wieħed għal Joseph Meilak, Lawrence Buhagiar u Clayton Debono. Iż-żewġ gowls Qriema waslu mingħand Miguel Alcaraz u Adrian Fenech.

Klassifika:

Luxol 33;

Valletta 28;

Hamrun Tre Angeli 27;

Swieqi, UOM 21;

Msida SJ 16;

Safi San Lorenzo ,Qormi 15;

Mriehel ESS ,Sliema 14;

Qrendi 9;

Marsascala Construct Furniture 6;

Swieqi U21 ,Tarxien JMI 3;

Zurrieq Wolves 0

Daniel Jesus Aguilera Puerto jifraħ ma' sħabu f'wieħed mill-erba' gowls li skurja għal Valletta

Azzjoni bejn Andy Mangion u Celino Alves ta' Luxol kontra Zurrieq Wolves





Leave a comment