Gatorade Futsal League: Ġimgħa 15

Sunday, April 2, 2017, 21:52

Gavin Muscat

Valletta u Luxol bħal dejjem joffru konfront akkanit, biż-żewġ timijiet kontinwamemt jippressaw lejn il-lasti avversarji tagħhom. Sa mill-bidu ż-żewġ timijiet minn kmieni bdew jużaw il-flying keeper biex ikomplu jżidu fl-attakki. Wara ħames minuti logħob, Luxol marru fil-vantaġġ meta Carl Azzopardi mill-viċin xeħet il-ballun fir-rokna tax-xibka. Ftit tas-sekondi wara kien Dejan Bizjak li minn frikik dirett għamilhom 2-0. Erba’ minuti mit-tmiem tal-ewwel taqsima Celino Alves tilef iċ-ċans li jagħmilhom 3-0 meta laqat il-lasta. Minuta wara Raphael Felipe Ortiz De Oliveira reġa’ daħħal lill-Beltin fil-partita hekk kif ġie mal-gowlkiper Clint Mifsud u tefa’ l-ballun warajh fix-xibka. Ftit tal-ħin wara, minn fuq it-tieni penalty spot, il-captain Xavier Saliba skurja l-gowl tad-dro u xeħet lill-partitarji Beltin f’dilirju ta’ ferħ. Gian Carlo Sammut ukoll laqat il-mimduda fl-aħħar sekondi tal-ewwel taqsima, biex ir-riżultati parzali baqa’ dak ta’ 2-2.

Wara biss minuta mill-bidu tat-tieni taqsima Sammut ra l-ballun jgħaddi minn quddiem il-linja. Minuta wara minn frikik Raphinha poġġa lill-Beltin fil-vantaġġ. Fis-seba’ minuta, Luxol kellhom ċans kbir li jġibu d-dro meta minn fuq il-linja Andy Mangion ra lill-gowlkiper Neil Cuschieri jsalva. Żewġ minuti wara Mark Zammit laqat il-lasta u ftit tas-sekondi wara Jovica Milijic kompla jkabbar il-vantaġġ favur il-Beltin. Minuta wara kien Frane Despotovic li naqas id-distakk għal Luxol. Fit-tlettax-il minuta Valletta skurjaw l-ħames gowl tagħhom permezz ta’ Dylan Musu. Tliet minuti mit-tmiem, Sammut żid it-tamiet ta’ Luxol u naqqas l-iskor għal 5-4. Fl-aħħar minuta u nofs tkeċċa l-istess Sammut wara li rċieva t-tieni karta safra. Fl-aħħar minuta reġa’ kien Jovica Milijic li skurja t-tieni gowl personali u għamel l-iskor finali ta’ 6-4. B’dan ir-riżultat iċ-ċampjins Valletta taw lil Luxol l-ewwel telfa tal-istaġun.

————————————————————————————————————————————————————-

Intant l-Universitarji, fit-tielet staġun tagħhom fil-kampjonat lokali, temmew l-ewwel rawnd fil-ħames post u għaddew għar-rawnd tal-Elite. Dan ifisser li minn issa se jilagħbu mal-ewwel erba’ timijiet li huma Luxol, Valletta, Hamrun Tre Angeli, u Swieqi.

F’logħba memorabbli t-tim tal-Università, kisbu l-punt neċessarju fid-dro ta’ 1-1 kontra Sliema Wanderers. Ta’ min jgħid li l-istudenti Universitarji kienu madwar mitejn li mlew il-Padiljun Sportiv ta’ Kordin bil-preżenza tagħhom u l-briju kontinwu li ħolqu.

Min-naħa l-oħra Sliema Wanderers li kienu punt wieħed biss taħt l-istess tim tal-Università, riedu bilfors rebħa biex ikunu huma li jiġu waħedhom fil-ħames post u jgħaddu għall-Elite. Għat-tim Slimiż idebutta bħala plejer-kowċ Aleksander Ribic, li ħa t-tmexxija tat-tim li kienu ilu mhux megħlub għall-sitt logħbiet konsekuttivi.

Iż-żewġ timijiet ftit li xejn taw ċans lil xulxin u kienu ferm organizzati tattikament u fid-difiża. Wara li għaddew tnax-il minuta logħob, kien Shawn Deguara li poġġa lill-Universitarji fil-vantaġġ u hekk baqgħu sa’ tmiem l-ewwel taqsima.

Fit-tieni taqsima s-Slimiżi kienu aktar determinati li jdawru r-riżultat, iżda sabu lill-gowlkiper avversarju Matthew Gatt li kellu prestazzjoni mill-aqwa. Wara diversi kontrattakki u ċansijiet perikolużi, l-plejer Serb Uros Markovic, b’xutt fil-baxx tefa’ l-ballun fix-xibka u skurja l-gowl tad-dro.

————————————————————————————————————————————————————-

Matul din il-ġimgħa wkoll, Hamrun Tre Angeli wettqu rimonta qawwija meta għelbu lil Mriehel ESS bl-iskor ta’ 6-3. Il-Ħamruniżi fetħu l-iskor permezz ta’ Jason Mifsud u Mriehel ESS ġew 3-1 minn fuq qabel tmiem l-ewwel taqsima, b’doppjetta ta’ Ayoub Ahmed u gowl ta’ Ayrton Duncan. Fit-tieni taqsima l-Ħamruniżi aċċertaw ir-rebħa b’tripletta ta’ Everton Da Silva Santos, gowl ieħor ta’ Jason Mifsud u gowl ta’ Alex Ellul.

————————————————————————————————————————————————————-

F’aktar riżultati, Msida SJ għelbu faċilment lil Żurrieq Wolves bl-iskor ta’ 13-0. Safi San Lorenzo kisbu s-sitt rebħa tal-istaġun meta għelbu lil Qormi bl-iskor ta’ 5-4. Iż-żewġ timijiet mill-klabb ta’ Swieqi ħarġu rebbieħa meta t-tim ta’ taħt il-21 sena għeleb lil Tarxien JMI bl-iskor ta’ 3-1 u t-tim l-ieħor ta’ Swieqi għeleb lil Qrendi bl-iskor ta’ 11-1.

————————————————————————————————————————————————————-

Klassifika:

Luxol 39;

Valletta 37;

Hamrun Tre Angeli 36;

Swieqi 33;

UOM 25;

Sliema Wanderers 24;

Mriehel ESS 23;

Msida SJ 22;

Safi San Lorenzo 18;

Qormi 15;

Marsascala Construct Furniture & Qrendi 9;

Tarxien JMI & Swieqi U21 6;

Zurrieq Wolves 3

Valletta jiċċelebraw gowl





Leave a comment