Gatorade Futsal League: Ġimgħa 14

Monday, March 20, 2017, 21:03

Gavin Muscat

Issa li l-ewwel rawnd qed joqrob lejn it-tmiem tiegħu, ħadd ma basar li l-ħames post kellu jkun daqshekk missielet bejn l-Univeristarji, Mriehel ESS, Sliema Wanderers u Msida SJ. Dan il-post jagħti ċans lil wieħed minn dawn l-erba’ timijiet li jilgħab mal-ewwel erba’ timijiet fil-fażi Elite.

F’logħba li ż-żewġ timijiet ftit taw ċans lil xulxin, l-Universitarji għelbu lil Qormi bl-iskor ta’ 2-1. Kellhom jgħaddu tlettax-il minuta logħob biex infetaħ l-iskor permezz ta’ Neil Cauchi, li poġġa lit-tim tal-Università fil-vantaġġ. Fit-tieni taqsima wara tmien minuti logħob, kien Andrea Farrugia li rdoppja l-iskor u tefa’ lill-istudenti tal-Università li ġew jaraw lil sħabhom, f’dilirju ta’ ferħ. Fl-aħħar minuta l-Qriema ppruvaw iwettqu reazzjoni u rnexxielhom inaqqsu d-distakk permezz ta’ Antoine Galea. Għal Qormi l-gowlkiper żagħżugħ Jacob Cipriott kellu prestazzjoni tajba ħafna u fl-aħħar ħinijiet irnexxielu jtella’ attakki perikolużi hekk kif beda jilgħab bħala flying keeper. Fil-fatt, fl-aħħar sekondi rnexxielu jikseb frikik viċin ħafna tal-penalty area, li minnu l-Qriema ma rnexxielhomx jiskurjaw il-gowl tad-dro.

————————————————————————————————————————————————————-

F’aktar riżultati Marsascala Construct Furniture għelbu lit-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi bl-iskor ta’ 6-3.

Mriehel ESS kisbu rebħa oħra importanti, din id-darba għelbu lil Safi San Lorenzo bl-iskor ta’ 7-2.

Sliema Wanderers ħarġu huma wkoll rebbieħa fuq Qrendi bl-iskor ta’ 11-9. Tarxien JMI nqalgħu mill-qiegħ tal-klassifika u nqattgħu minn Zurrieq Wolves meta rebħulhom bl-iskor ta’ 8-3.

Il-leaders Luxol komplew bil-mixja pożitiva tagħhom meta għelbu lil Marsascala Construct Furniture bl-iskor ta’ 11-0.

FL-aħħarnett Msida SJ sabuha bi tqila kontra Swieqi u tilfu bl-iskor ta’ 4-1.

————————————————————————————————————————————————————-

B’hekk fil-klassifika naraw lil Luxol waħedom fil-quċċata b’39 punt segwiti minn Valletta li għandhom 34 punt. Dawn l-ewwel żewġ timijiet se jiltaqgħu kontra xulxin fi tmiem il-ġimgħa d-dieħla. Fit-tielet post insibu lil Hamrun Tre Angeli bi 33 punt segwiti minn Swieqi li għandhom 30 punt.

L-Universitarji din il-ġimgħa bit-tliet punti importanti li kisbu, jinsabu waħedhom fil-ħames post b’24 punt. Isegwu b’distakk ta’ punt wieħed biss Mriehel ESS u Sliema Wanderers, li qegħdin fis-sitt post bi 23 punt. Is-Slimiżi żgur li se joffru sfida denja l-ġimgħa d-dieħla kontra l-istess tim tal-Università. Fis-seba’ post insibu lil Msida SJ bi dsatax il-punt.

Fit-tmien post insibu lil Qormi u Safi San Lorenzo li għandhom 15-il punt. Marsascala Construct Furniture u Qreni għandhom disa’ punti. Tarxien JMI avvanzaw pass ‘il quddiem u issa għandhom sitt punti. Fl-aħħarnett insibu lit-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi u Zurrieq Wolves li għandhom tliet punti.

Qormi(sofor) vs Universita' (bojod)





Leave a comment