Gatorade Futsal League: Ġimgħa 10

Thursday, March 2, 2017, 22:05

Gavin Muscat

Luxol li kienu b’żewġ gowls minn taħt, irnexxielhom jegħlbu lil Swieqi bl-iskor ta’ 9-2. B’dan ir-riżultat it-tim minn St. Andrews kompla jsaħħaħ postu waħdu f’ras il-klassifika, b’punti massimi wara għaxar logħbiet konsekuttivi.

Kienet logħba ferm mistennija miż-żewġ timijiet li qed ikollhom prestazzjoni tajba ħafna matul dan l-istaġun. Swieqi marru fil-vantaġġ permezz ta’ Andre Ciancio u Boicho Marev. Madanakollu Luxol ma damux ma dawru r-riżultat minn telfa f’rebħa. L-akkwist ġdid tagħhom Dejan Bizjak kien l-awtur ta’ tripletta, Celino Alves u Carl Azzopardi kellhom doppjetta kull wieħed, filwaqt li Emil Raducu u Frane Despotovic skurjaw ukoll għal Luxol.

Partita oħra interessanti kienet dik bejn Msida u Hamrun Tre Angeli, li spiċċat f’rebħa ta’ 5-3 għall-Ħamruniżi. It-tim Misidjan saħħaħ l-iskwadra bl-akkwisti ta’ Mohammed Lamari u Chris Cardona mingħand Valletta, li qed isibu posthom fl-iskwadra.

Hamrun Tre Angeli kellhom vantaġġ tajjeb permezz ta’ żewġ gowls skurjati mill-Brażiljan Everton Da Silva Santos. Min-naħa l-oħra Msida rrispondew b’doppjetta ta’ Mohammed Lamari. Immedjatament reġa kien Da Silva Santos li poġġa lil Ħamruniżi fil-vantaġġ.

Fit-tieni taqsima, iż-żewġ timijiet kienu ferm aktar attenti għal xulxin. Daniel Mifsud għamilhom 4-2 u għadda naqra ħin mhux ħażin sakemm wasal il-gowl ta’ Armando Djepali li naqqas id-distakk. Fl-aħħar minuti Msida bit-tentattiv li jġibu l-gowl tad-dro, tefgħu kollox fuq l-attakk u George Frendo beda jilgħab bħala flying keeper. Din il-mossa riskjuża wasslet lil Da Silva Santos sabiex jiskurja l-ħames u l-aħħar gowl għal Hamrun Tre Angeli.

Intant, waslet l-ewwel rebħa għat-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi li għeleb lil Zurrieq Wolves bl-iskor ta’ 5-3. Safi San Lorenzo rritornaw għar-rebħ, meta għelbu lil Qrendi bl-iskor ta’ 7-4. Mriehel ESS ukoll kellhom rebħa tajba meta għelbu lil Tarxien JMI bl-iskor ta’ 10-3. Din il-ġimgħa għalqet bid-dro ta’ 7-7 bejn iċ-ċampjins Valletta u Sliema Wanderers. Fl-aħħarnett Qormi għelbu lil Marsascala Construct Furniture bl-iskor ta’ 6-2.

Klassifika:

Luxol 30;

Valletta 25;

Hamrun Tre Angeli 24;

Swieqi FC 21;

UOM 18;

Msida, Safi San Lorenzo, Qormi 15;

Mriehel ESS 13;

Sliema 11;

Qrendi 9;

Marsascala Construct Furniture 6;

Swieqi U21 3;

Tarxien JMI, Zurrieq Wolves 0

Dejan Bizjak (Luxol) No.23

Everton Da Silva Santos (Ħamrun) No.10





Leave a comment