Gatorade Futsal League: Bidu interessanti fil-League

Sunday, November 27, 2016, 19:28

Gavin Muscat

Ingħata bidu wkoll għal Gatorade Futsal League li fih kompla jispikka l-livell għoli tat-timijiet parteċipanti. Iċ-ċampjins Valletta ħadu l-ewwel tliet punti meta għelbu lil Marsascala bl-iskor ta’ 7-1. Kienet logħba pjaċevoli u li fiha Marsascala ppruvaw joħolqu reżisenza lit-tim Belti. Fil-fatt kienu huma li fetħu l-iskor permezz ta’ Franlin Abela. Għaldaqstant Valletta rrispondew u dawru sew ir-riżultat, b’Raphael Felipe Ortiz de Oliveira jkun il-protagonist ewlieni. Il-plejer Brażiljan skurja waħdu ħames gowls u paxxa l-għajnejn ta’ dawk preżenti fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin, bil-mossi spettakolari tiegħu. Għall-Beltin skurjaw ukoll il-captain Xavier Saliba u Dylan Musu.

————————————————————————————————————————————————————-

Ħamrun Tre Angeli kellhom rebħa kbira li fiha reġgħu għelbu lil Qormi Futsal bl-iskor ta’ 14-4. Dan wara li l-Ħamruniżi l-ġimgħa l-oħra għaddew għall-fażi li jmiss tan-Knock Out 9-1 fuq l-istess Qormi Futsal. Il-Ħamruniżi kellhom vantaġġ ta’ 5-0 qabel ma marru għall-mistrieħ bl-iskor ta’ 6-2. Fit-tieni taqsima l-Ħamruniżi komplew jikkonsolidaw il-vantaġġ tagħhom fuq l-avversarji u kkontrollaw sew il-logħba. L-erbatax-il gowl waslu erbgħa minnhom minn Everton Vevé, tripletta ta’ Florin Anton, doppjetti għal Luke Stivala u Daniele Degennaro, b’aktar gowls mingħand Clint Cope, Daniel Mifsud u Jason Mifsud. Il-Qriema skurjaw permezz ta’ Adrian Fenech, Antoine Galea, Luka Mallia u Miguel Alcaraz.

————————————————————————————————————————————————————-

Il-logħba bejn it-tim tal-Università u Swieqi kienet wirja mill-aqwa taż-żewġ timijiet li għamlu progress kbir tul is-snin. Swieqi ssaħħu sew b’għadd ta’ plejers tal-esperjenza bħall-Bulgaru Boicho Marev, Kurt Bartolo u Chrstian Wismayer, fost l-oħrajn. Marev kien l-awtur ta’ erbgħa gowls fir-rebħa li Swieqi għamlu ta’ 6-2 fuq it-tim tal-Università. L-Universitarji min-naħa l-oħra wkoll għamlu bidla pożitiva kbira u qegħdin jitgħallmu sew kif ikunu oppożizzjoni denja. Ta’ min isemmi li l-Universitarji qed jistennew id-debutt ta’ Djordje Maksimovic. Dan il-plejer diġa lagħab fil-passat fil-kampjonat tal-futsal lokali u għandu esperjenza internazzjonali f’Ċipru, l-Montengro u s-Serbja. Għal Swieqi kellna wkoll doppjetta tal-Bulgaru l-ieħor Dimiter Petev. Rodney Debono u Jean Carl Cushieri skurjaw għat-tim tal-Università.

————————————————————————————————————————————————————-

Sliema għelbu lil Safi San Lorenzo bl-iskor ta’ 7-4. Għal Sliema kellna d-doppjetti ta’ Aleksander Ribic u Darren Agius, flimkien mal-gowls ta’ Paul Bugeja, Alan Galea u Nikolay Filipov. Għal Safi San Lorenzo skurjaw Reuben Vella, Desmond Kind, Wayne Hamer u Sean Vella.

————————————————————————————————————————————————————-

Msida għelbu lit-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi bl-iskor ta’ 8-0. Kellna tripletta ta’ George Frendo u gowl kull wieħed għal Florin Manea, Armando Djepali, Ricardo Ortega Toro, Claudio Venuto u Ryan Xuereb.

————————————————————————————————————————————————————-

Luxol ġabu fix-xejn lil Tarxien JMI bl-iskor kbir ta’ 15-0. Għal Luxol spikkaw it-tripletta ta’ Celino Alves u d-doppjetti ta’ Zvezdan Vukovic, Carl Azzopardi, Emil Andre Raducu u Mark Zammit. Gian Carlo Sammut, Andy Mangion u Matthew Attard u Nicola Del Re komplew ikabbru l-lista twila ta’ markaturi.

————————————————————————————————————————————————————-

Fl-aħħarnett kellna derby akkanit bejn Qrendi u Zurrieq Wolves, bi Qrendi li ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 10-9. Għal Qrendi skurja tliet darbiet Craig Pickard, darbtejn Alan Spiteri u gowl kull wieħed għal Antonello Brincat, Robert Baldacchino, David Mamo, Bertram Azzopardi u Clayton Borg. Filwaqt li għal Zurrieq Wolves kellna erba’ gowls ta’ Alistair Camilleri, tripletta ta’ Mario Camilleri u gowl kull wieħed għal Johnny Sammut u Marco Zammit.

————————————————————————————————————————————————————

Intant fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin nhar it-Tnejn 28 ta’ Novembru fit-8pm Mriehel ESS jilagħbu kontra Qormi Futsal u fid-9:15pm Valletta kontra Tarxien.

It-Tlieta 29 ta’ Novembru fid-9:15pm Ħamrun Tre Angeli jilagħbu kontra Sliema.

Il-Ħadd 4 ta’ Diċembru fil-11am u t-Tnejn 5 ta’ Diċembru fis-7pm, jkollna żewġ logħbiet ta’ ħbiberija tat-tim nazzjonali Malti kontra San Marino.





Leave a comment