Gatorade Futsal League 2017: Tibda it-tieni fażi

Monday, April 10, 2017, 21:25

Gavin Muscat

Il-ġirien Luxol u Swieqi fetħu l-logħbiet tal-Elite, f’konfront mill-aktar interessanti. It-tim minn St. Andrews irnexxielu joħroġ rebbieħ bl-iskor ta’ 6-1. Swieqi fetħu l-iskor kmieni fl-ewwel taqsima permezz ta’ Boicho Marev. Luxol dawru r-riżultat minn telfa f’rebħa, b’doppjetti għal Andy Mangion u Frane Despotovic, flimkien mal-gowls ta’ Nicola Del Re u Glenn Bonello.

————————————————————————————————————————————————————-

Intant fit-tieni logħba tal-Ġimgħa filgħaxija, Valletta sabu ostaklu iebes f’Hamrun Tre Angeli. Il-Ħamruniżi meritatament ħasdu liċ-ċampjins Beltin, hekk kif ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 6-5. Wara li l-Beltin kienu 3-1 minn taħt qabel tmiem l-ewwel taqsima, wara l-mistrieħ ħarġu iktar aggressivi u bdew jilagħbu bil-flying keeper.

Dan il-konfront laqqa’ liż-żewġ Brażiljani Everton Da Silva Santos ta’ Ħamrun Tre Angeli u Raphael Felipe Ortiz de Oliveira ta’ Valletta. Da Silva Santos spikka ferm aktar meta skurja xejn anqas minn ħames gowls.

Is-sitt u l-aħħar gowl Ħamruniż ġie skurjat minn Cleaven Portelli. Min-naħa l-oħra l-Beltin naqqsu l-iskor b’doppjetta ta’ Daniel Aguilera Puerto u gowls ta’ Jovica Milijic, Raphael Felipe Ortiz de Oliveira u Dylan Musu.

————————————————————————————————————————————————————-

Mill-Ewwel Diviżjoni, rebħa konvinċenti ta’ Mriehel ESS fuq Safi San Lorenzo bl-iskor ta’ 5-1. Mriehel ESS li qed jaspiraw li jirbħu din id-diviżjoni, ddominaw mill-bidu hekk kif fetħu l-iskor wara biss erba’ minuti permezz ta’ Marwan Telisi. Is-Safjin ippruvaw iwettqu reazzjoni, iżda Eslam Khalifa kellu doppjetta personali u għamilhom 3-0 qabel tmiem l-ewwel taqsima.

Fit-tieni taqsima Mriehel ESS komplew bl-istess determinazzjoni, hekk kif Essa Benatiya għamilhom 4-0. Il-plejer veteran Clive Calleja rnexxielu jiskurja l-gowl ta’ konsolazzjoni, sakemm Marwan Telisi ssiġġilla l-iskor finali ta’ 5-1.

————————————————————————————————————————————————————-

Qormi rritornaw għar-rebħ u temmew is-serje negattiva ta’ ħames telfiet konsekuttivi, meta ġabu fix-xejn lil Zurrieq Wolves bl-iskor ta’ 7-0. Il-Qriema kisbu vantaġġ dopju fl-ewwel taqsima permezz ta’ James Tabone u Antoine Galea. Il-ħames gowls l-oħra ġew skurjati fit-tieni taqsima minn Jonathan Debono, Bernard Sciberras, Miguel Alcaraz, George Chircop u Patrick Barbara.

————————————————————————————————————————————————————-

Tarxien JMI kisbu t-tielet rebħa tal-istaġun meta għelbu lil Marsascala Construct Furniture bl-iskor ta’ 6-2. Fil-ftuħ tat-tieni taqsima Marsascala taw sfida denja u rnexxielhom jnaqqsu d-distakk. Madanakollu Tarxien JMI żiedu erba’ gowls oħra biex għalqu definitivament il-partita. Għal Tarxien JMI kellna doppjetta ta’ Joseph Meilak, gowls ta’ Silio Saliba, Malcolm Berry, Clayton Debono u awtogowl ta’ Matthew Grima. Marsascala Construct Furniture naqsu l-iskor permezz ta’ Ryan Mifsud u Reuben Degabriele.

————————————————————————————————————————————————————-

Msida kisbu rebħa bir-riżultat kbir ta’ 12-2 kontra t-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi. Il-Misidjani impressjonaw ferm bit-tripletta ta’ Liam Cachia, doppjetti għal Armando Gjepali, Chris Cardona u George Frendo, flimkien mal-gowls ta’ Mohammed Lamari u Floren Manea. L-uniċi żewġ gowls għaż-żgħażagħ ta’ Swieqi waslu mingħand Timothy Gingell u Karl Sciortino.

————————————————————————————————————————————————————-

Sliema Wanderers min-naħa tagħhom għelbu lil Qrendi bl-iskor ta’ 9-5. Is-Slimiżi aċċertaw din ir-rebħa b’Uros Markovic li għaqqad tripletta, Paul Bugeja u Radovan Duric li kellhom doppjetta kull wieħed flimkien mal-gowls ta’ Nikolay Filipov u Mauro Busuttil. Għaldaqstant għal Qrendi, Craig Pickard kellu doppjetta flimkien mal-gowls ta’ Bertram Azzopardi, Godfrey Cutajar u David Delicata.

 





Leave a comment