Galea fid-difiża tal-passat u l-futur ta’ Floriana FC

Saturday, December 15, 2012, 11:00

minn Stephen Azzopardi

F’April tal-2008, il-mixtla tal-Floriana F.C. onorat lil Charles Galea ex plejer u kowċ fl-istess mixtla ta’ Floriana F.C.  Kien in-neputi tiegħu stess Isaac li dak iz-zmien kien fl-U/13 li ppreżentalu tifkira tal-okkazjoni.  Dakinhar Charles Galea tkellem dwar il-ħtiega tad-dedikazzjoni u tas-saġrificcji b’mod partikulari waqt it-taħriġ għaliex mingħajr dawn l-elementi wieħed ma jistax jikseb suċċess fil-karriera sportiva . Ta min jgħid li dawn il-kliem, Charles kien  ta’ spiss jgħidhom lil neputiħ Isaac, li miegħu kelli l-opportunita niltaqa’ u nagħmillu intervista.

Isaac Galea, ilni nafu personalment minn mindu kien daqsxejn ta’ tifel, jilgħab il-futbol ma’ tal-Mużew u fil-mixtla ta’ Floriana F.C.  Minn dejjem kellu mħabba kbira lejn il-logħba tal-futbol u kien joħodha bis-serjeta’.  Bħala karattru huwa ġuvnott kwiet u xi ftit mistħi pero nkejjuż ħafna mal-familjari tieghu.  Minn hawn mill-ewwel naraw xebh kbir ma’ nannuh.

Charles Galea lil Isaac kien dejjem jgħidlu biex jegħleb il-mistħija u ma joqgħodx lura meta jkun qed jilgħab il-futbol u  li fil-grawnd m’għandu lil ħadd miegħu.  Madanakollu dejjem kien jgħidlu biex joqgħod ’il-bogħod mill-ġlied, juri dejjem rispett, ikollu fih sens ta’ dixxiplina, jevalwa s-sitwazzjonijiet li jkun fihom u jitkellem dejjem mal-kowċ.  L-imħabba li Charles kellu ghall-Floriana kien dejjem jgħaddieha lil Isaac meta kien jgħidlu biex jilgħab dejjem għall-flokk u jżomm dejjem f’moħħu li l-arma li jġorr fuq sidru hija tqila.

Fatt li ġara m’ilux wara l-mewt ta’ Charles Galea qalituli omm Isaac li kienet ħdejna waqt l-intervista. Peress li Isaac jilgħab bhala difensur bħalma kien nannuh Charlie u normalment bħalu jilghab bin-numru 2, inzerta kien hemm ragel minn Bormla li kien qed isegwi lil Isaac jilghab.  Dan bla ma kien jaf min kien il-plejer li kien qed jilghab bin-numru 2 qal, “Dan id-Due kemm ifakkarni hafna f’Charlie Galea!”

Għal Isaac kien ta’ pjaċir kbir għalih li tkellimna fuq Charles Galea, u fil-fatt l-akbar xewqa tiegħu hi li jimxi fuq il-passi tieghu billi bħalu jirbaħ kollox ma’ Floriana u li jkollu wkoll l-opportunita’ li jilgħab barra minn Malta. Fil-prezent Isaac jilgħab b’mod regolari mal-minors ta’ Floriana FC u ġieli jkun mgħajjat bħala sostitut mat-tim tal-kbar.  Isaac dejjem izomm saqajh mal-art u meta jigi mgħajjat mal-kbar għalih huwa bonus.

Isaac Galea żgur li se jibqa jkun ta’ difiza soda għal Floriana bħalma kien nannuh Charles Galea.  Tabilħaqq Galea fid-difiża huwa l-frott tas-suċċess fil-passat u tama kbira ghal futur ta’ Floriana FC.





Leave a comment