Futsal:Punti importanti lejn tmiem l-ewwel rawnd

Sunday, February 21, 2016, 18:54

Gavin Muscat

Luxol baqgħu jżommu r-rekord perfett f’dan il-kampjonat, hekk kif baqgħu fl-ewwel post tal-klassifika bi 30 punt minn għaxar partiti. It-tim minn St Andrews għeleb lil Swieqi United 6-0, b’gowls tal-plejer kowċ Frane Despotovic, Zvezdan Vukovic, Mark Zammit, Carl Azzopardi, William Barbosa u awtogowl ta’ Gabor Balan.

Hamrun Spartans, fit-tieni post bi 28 punt, għelbu lil Msida St Joseph bl-iskor ta’ 9-4. Minkejja t-telfa, Msida taw logħba lill-Ispartans tant illi ħin minnhom ir-riżultat kien dak ta’ 3-3. Madankollu Ħamrun wettqu reazzjoni kbira tant illi skorjaw gowls kruċjali li tawhom it-tliet punti finali. Id-duo Brażiljan Raphinha u Rodrigo skorjaw doppjetta kull wieħed filwaqt li Michel Melo Jose, Michael Spiteri, Andy Mangion, Juan Losada u Peter Pullicino żiedu aktar gowls għall-Ispartans.

Msida skorjaw il-gowls tagħhom permezz ta’ hat-trick ta’ Paulo Mendes da Silva u Christopher Arturo Navarro.

F’partiti oħra Lija għelbu lil Mqabba 10-2 bl-Albaniż Endrit Kaca jiskorja erba’ gowls. Valletta ddominaw u rebħu lil Zebbug 9-0 b’Dylan Musu u Denis di Maio jiskorjaw doppjetta. B’hekk Valletta jinsabu fit-tielet post b’25 punt, Lija b’24 punt, Swieqi b’21 punt u Msida b’16-il punt. Minn naħa l-oħra Zebbug għandhom 12-il punt u Mqabba baqgħu b’sitt punti bħal Marsascala, Mdina Knights u Qrendi.

F’partiti oħra, Sirens qabżu fit-tmien post tal-klassifika bi 13-il punt, b’rebħa ta’ 5-2 fuq Marsascala. Sliema għelbu lill-Imdina Knights 4-2 u qabżu lill-istess Sirens bi 15-il punt. Qrendi rebħu t-tieni logħba staġjonali wara riżultat ta’ 4-2 kontra Gozo FC li għadhom qed ifittxu l-ewwel punti tal-istaġun.

Valletta vs Żebbuġ





Leave a comment