Futsal: Vantaġġ minimu għal Ħamrun u Luxol

Thursday, May 12, 2016, 20:46

Gavin Muscat

Se jkunu verament interessanti t-tieni legs taż-żewġ semifinali tal-play-offs tal-Gatorade Elite Round wara li l-bieraħ Luxol u Hamrun xejn ma sabu triq faċli sabiex jegħlbu lill-avversarji tagħhom tant li kisbu vantaġġ minimu.

Fuq kollox kienu żewġ partiti ferm akkaniti, eċitanti u ta’ livell ferm għoli li ħallew lil dawk l-ispettaturi ferm numerużi fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin fuq ix-xwiek.

Gowl skorjat 35 sekonda minn tmiem il-partita ta rebħa minima ta’ 6-5 lil Luxol fuq Valletta.

Kienet logħba kumbattuta biż-żewġ timijiet li ma kinux lesti jċedu pulzier.

Iż-żewġ difiżi rispettivi kellhom x’jagħmlu mhux ħażin sabiex irażżnu l-furja tal-attakkanti avversarji tant illi anke l-lasta ċaħdithom minn aktar gowls.

Għat-tim minn St Andrews spikka l-plejer-kowċ tagħhom, Frane Despotovic li skorja erba’ gowls.

Glenn Bonello u William Barbosa żiedu żewġ gowls oħra għal Luxol illi jibdew it-tieni leg b’gowl vantaġġ.

Dylan Musu skorja doppjetta filwaqt illi Mohammed Elamari, Cristian Cuadros Silva u Dejan Bizjak żiedu iktar gowls għat-tim mill-Kapitali.

F’partita oħra ferm sabiħa, Ħamrun għelbu lil Lija Athletic bl-iskor ta’ 7-5.

Kienet logħba fejn rajna lill-Ispartans jippruvaw jiddettaw il-logħob, b’Lija joħorġu bil-kontrattakki li kienu ferm perikolużi.

Min-naħa tagħhom Ħamrun tilfu diversi ċansijiet ta’ skor lejn il-lasta avversarja tant illi fallew erba’ xuttijiet mit-tieni penalty spot u laqtu żewġ lasti.

Spikka wkoll il-gowlkiper ta’ Lija illi salva żewġ xuttijiet destinati għal ġox-xibka.

Għal darb’oħra l-Brażiljani ta’ Ħamrun reġgħu serqu x-xena hekk kif Madson Caetano de Abreu u Raphinha skorjaw doppjetta kull wieħed.

Andy Mangion u Jason Mifsud żiedu aktar gowls għall-Ispartans.

Lija Athletic kellhom lil Endrit Kaca u Chavi Montes Burgos illi skorjaw doppjetta filwaqt illi Chris Cardona skorja gowl ieħor.

Għalhekk wara dawn il-partiti, kollox għadu miftuħ għat-tieni legs li ser jintlagħbu nhar il-Ġimgħa li ġej.

Mill-Kampjonat Gatorade tal-Ewwel Diviżjoni, saru magħrufa t-timijiet li ser jikkontestaw is-semifinali tal-play-offs li ser jintlagħbu nhar il-Ħamis li ġej.

Sliema Wanderers, li spiċċaw fl-ewwel post tal-klassifika, ser jilagħbu kontra Mqabba filwaqt li t-tim fit-tieni post, Sirens jiffaċċjaw lil Żebbuġ.

Sadanittant matul din il-ġimgħa ntlagħbet l-aħħar ġurnata fejn kellna lil Sliema jegħlbu lil Gozo 12-6, Mdina rebħu lil Qrendi 10-7, Sirens tilfu ma’ Żebbuġ 3-1 filwaqt li Mqabba aċċertaw ruħhom minn post fil-play-offs meta għelbu lil Marsascala 4-2.

Fil-klassifika finali tal-Gatorade l-Ewwel Diviżjoni, Sliema spiċċaw l-ewwel b’35, Sirens 29, Żebbuġ 27, Mqabba 24, Mdina 22, Marsascala 16, Qrendi 14 filwaqt illi Gozo  kisbu punt wieħed biss.





Leave a comment