Futsal: Valletta jordnaw it-tielet finali

Monday, May 16, 2016, 15:56

Gavin Muscat

Valletta għelbu lil Ħamrun Spartans bl-iskor ta’ 7-6 fit-tieni finali tal-Gatorade Elite play-offs. Wara dan ir-riżultat, jeħtieġ li tintlagħab it-tielet u l-aħħar logħba deċiżiva nhar il-Ħamis illi ġej li biha nkunu nafu min se jkun iċ-ċampjin il-ġdid tal-futsal Malti għal dan l-istaġun.

L-ewwel għaxar minuti kellna attakki kontinwi miż-żewġ timijiet pero’ l-gowlkipers rispettivi ċaħdu lill-attakkanti mis-sodisfazzjon tal-gowl. Kienu Valletta li marru fil-vantaġġ permezz ta’ Cristian Cuadros Silva u pront irduppjaw ftit tas-sekondi wara minn Dylan Musu. Ħamrun dehru maħsuda u kien Dejan Bizjak li approfitta sabiex għamilhom 3-0. Kien hawn li l-Ispartans ħarġu ferm aggressivi hekk kif skurjaw darbtejn f’ħin qasir permezz tal-Brażiljani Michel Melo Jose u Madson Caetano sabiex naqqsu d-distakk 3-2 u hekk intemmet l-ewwel taqsima.

It-tieni taqsima kompliet toffrilna aktar eċitament u kienu l-Ispartans li ħarġu tajjeb hekk kif irnexxielhom iġibu l-iskor indaqs b’azzjoni tajba ta’ Jason Mifsud. Wara li Denis di Maio kien żvinturat illi laqat il-lasta, il-magna Beltija baqgħet għaddejja meta Dylan Musu għaqqad doppjetta wara xutt mill-viċin. U kien hawnhekk li l-kowċ ta’ Ħamrun iddeċieda għal flying keeper sabiex jagħmel aktar pressjoni fuq id-difiża Beltija. F’wieħed minn dawn l-attakki kien George Frendo illi sab ix-xibka wara pass preċiż ta’ Peter Pullicino. Il-Beltin ftit damu ma reġgħu skurjaw permezz ta’ Dejan Bizjak. Il-gowls baqgħu ġejjin b’mod regolari u għal darb’oħra kienu Ħamrun illi reġgħu naqqsu l-marġni tal-iskor. Raphinha twaqqa fil-kaxxa u minn penalti huwa skurja l-ħames gowl tagħhom.

Bl-Ispartans jattakkaw, Valletta tellgħu kontrattakk ferm veloċi li minnu sabu x-xibka għas-seba’ darba grazzi għal Melvin Borg. Il-Ħamruniżi reġgħu daħlu fil-partita b’gowl ta’ Jason Mifsud, sabiex kellna l-aħħar sekondi ta’ qtigħ il-qalb.

Minkejja kollox iżda l-Beltin żammew sod sabiex irreġistraw rebħa importanti li biha sfurzaw it-tielet finali deċiżiva.

 





Leave a comment