Futsal: Valletta jisfurzaw it-tielet finali tal-Elite

Monday, June 5, 2017, 14:46

Valletta joħorġu rebbieħa fit-tieni finali kontra Luxol, f’logħba mill-aktar emozzjonanti. Logħba li fiha ż-żewġ timijiet taw kollox u li baqgħet inċerta sal-aħħar, tant li l-logħba ntemmet bl-għoti tal-penalties.

Wara tmien minuti milgħuba, il-plejer Sloven ta’ Luxol Dejan Bizjak fetaħ l-iskor u minuta wara Melvin Borg reġa’ ġab il-parita bejn iż-żewġ timijiet. Meta kien fadal ħames minuti mit-tmiem tal-ewwel taqsima, xutt verament b’saħħtu ta’ Emil Raducu, reġa’ poġġa lil Luxol fil-vantaġġ. Ftit tal-ħin wara kien Jovica Milijic li reġa’ ġab id-dro għall-Beltin. B’hekk l-ewwel taqsima ntemmet fi dro ta’ 2-2.

Madwar sitt minuti mit-tmiem tat-tieni taqsima, reġa’ kien Milijic li skurja t-tieni gowl personali u poġġa lill-Beltin fil-vantaġġ. Meta kien fadal daqs seba’ minuti mit-tmiem tat-tieni taqsima Mark Zammit reġa’ ġab id-dro għat-tim minn St. Andrews. Meta kien fadal madwar żewġ minuti u nofs x’jintlagħbu, Raphael Felipe Ortiz de Oliveira kien involut f’aċċident involontarju li fih qala’ daqqa ta’ ballun f’rasu u għal xi ħin intilef minn sensih. Huwa mill-ewwel ingħata l-ewwel għajnuna sakemm waslet l-ambulanza. Wara ħin twil ta’ waqfien, kompla il-logħob bir-riżultat li baqa’ l-istess u kellna mmorru għall- ħin barrani.

Fil-ħin barrani kellna lil Denis Di Maio li poġġa lill-Beltin fil-vantaġġ u immedjatament Mark Zammit reġa’ ġab id-dro għal Luxol. B’hekk kollox kellu jiġi deċiż bl-għoti tal-penalties. Emil Raducu falla l-ewwel penalty li ġie milqugħ mill-gowlkiper Belti Stefan Vella. Valletta skurjaw il-penalties tagħhom li ġew mogħtija minn Dylan Musu, Jovica Milijic u Rodrigo Ticz Patricio. Min-naħa l-oħra Dejan Bizjak u Frane Despotovic skurjaw għal Luxol. Bl-iskor finali ta’ 7-6 għal Valletta, wara li Luxol kienu rebħu l-ġimgħa li għaddiet bl-iskor ta’ 5-2, ir-rebbieħ tal-Elite irid jiġi ddikjarat fit-tielet ul-aħħar finali. Din il-finali tintlagħab nhar il-Ġimgħa li ġej fit-tmienja ta’ filgħaxija.

Mill-ewwel diviżjoni, Msida SJ għalqu l-aħħar logħba tagħhom qabel il-playoffs, b’rebħa ta’ 9-3 fuq Tarxien JMI. Għal darb’oħra George Frendo reġa’ kien l-awtur ta’ ħames gowls personali. Herbert Spiteri kellu wkoll doppjetta personali, flimkien mal-gowls ta’ Florin Manea u Ryan Xuereb. Tarxien JMI naqsu l-iskor b’doppjetta ta’ Joseph Meilak u gowl ta’ Leonard Alla.

Zurrieq Wolves minkejja li baqgħu waħedhom f’qiegħ il-klassifika, temmew dan l-istaġun billi kisbu t-tieni rebħa tal-istaġun. Il-Wolves kellhom konfront interessanti meta għelbu lil Marsascala Construct Furniture bl-iskor ta’ 4-3.

Alistair Camilleri fetaħ l-iskor b’doppjetta immedjata fid-disa’ minuta u hekk intemmet l-ewwel taqsima. Fl-aħħar seba’ minuti ż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin, bl-aħħar żewġ gowls ġew skurjati fl-aħħar minuta. Russell Camilleri kien sfortunat li wettaq awtogowl imma mill-ewwel skurja għat-tim ta’ Zurrieq Wolves. Franklin Abela reġa’ qawwa t-tamiet lit-tim ta’ Marsascala, meta skurja tliet minuti mit-tmiem. Fl-aħħar minuta Christian Bezzina kompla jkabbar il-vantaġġ għat-tim ta’ Zurrieq Wolves. Min-naħa l-oħra fl-istess minuta Reuben Degabriele naqqas l-iskor għal Marsascala Construct Furniture.

Sliema Wanderers għalqu dan ir-rawnd billi rebħu l-logħbiet kollha tal-Ewwel Diviżjoni, bl-aħħar rebħa li kellhom Qormi bl-iskor ta’ 9-2. Fost l-oħrajn reġa’ spikka għalihom il-plejer kowċ Aleksander Ribic li kellu tripletta personali. Uros Markovic, Radovan Duric flimkien ma’ awtogowl ta’ Etienne Bonnici, poġġew lis-Slimiżi minn fuq bl-iskor ta’ 6-1, qabel tmiem l-ewwel taqsima. Fit-tieni taqsima doppjetta ta’ Darren Agius u gowl ta’ Leandros Calleja, ikkonferaw din id-disa’ rebħa konsekuttiva għal Sliema Wanderers. Fl-aħħar ħinijiet, Adrian Fenech naqqas l-iskor għal Qormi.

Mriehel ESS li huma wkoll se jkunu fil-playoffs rebħu faċilment lit-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi bl-iskor ta’ 10-1. Għal Mriehel ESS kellna t-tripletti ta’ Eslam Khalifa u Faisal Alnakua, doppjetta ta’ Mark Anthony Galea u gowl kull wieħed għal Essa Benatiya u Ayrton Duncan. L-uniku gowl għat-tim ta’ taħt il-21 sena, fl-aħħar logħba tal-istaġun, ġie skurjat minn Jurgen Ciantar.

Fl-aħħarnett Qrendi u Safi San Lorenzo temmew l-istaġun tagħhom bit-tim minn Ħal Safi li ħareġ rebbieħ bl-iskor ta’ 9-7. Għal Safi San Lorenzo skurjaw tliet darbiet Sean Vella u Nathaniel Borg. Mauro D’Amato, Clive Calleja u Franklin Seisun skurjaw ukoll għal Safi San Lorenzo. Għal Qrendi skurja ħames darbiet Craig Pickard, flimkien mal-gowls ta’ Antonello Brincat u Ronald Spina.

B’hekk issa nhar il-Ħamis li ġej jingħata bidu għall-playoffs tal-Ewwel Diviżjoni, fejn Sliema Wanderers jilagħbu kontra Qormi u Msida SJ jilagħbu kontra Mrieħel ESS. Ir-rebbieħa minn dawn iż-żewġ konfronti jiltaqgħu filfinali, nhar il-Ħamis 15 ta’ Ġunju.

Klassifika tal-Ewwel Diviżjoni

Sliema Wanderers ……………….51

Msida SJ …………………………….46

Mriehel ESS ………………………..39

Qormi ………………………………..31

Safi San Lorenzo ……………………30

Qrendi ………………………………..22

Swieqi U21 …………………………..15

Tarxien JMI ………………………….15

Marsascala Construct Furniture ….12

Zurrieq Wolves ………………………7





Leave a comment