- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Futsal: Valletta jaħsdu lil Luxol

Posted By Sportinmalta On March 10, 2016 @ 2:13 pm In Featured,Futsal,Other | No Comments

Gavin Muscat

Jasal fi tmiemu l-ewwel rawnd tal-Gatorade Futsal League, bl-iktar logħba ferm mistennija li rat lill-Valletta tagħti l-ewwel telfa lil Luxol.

Luxol kellhom neqsin lil William Barbosa li weġġa sew fit-taħriġ u lil Mark Zammit. Għaldaqstant ma nistgħux inneħħu mill-mertu lill-Beltin li kienu ferm superjuri u taw batikata lill-istess Luxol.

Wara ħames minuti logħob kien Denis Di Maio li fetaħ l-iskor u poġġa lill-partitarji Beltin f’dilirju ta’ ferħ. Kien l-istess Di Maio li rdoppja l-iskor wara biss tliet minuti. Kważi kwarta mit-tmiem tal-ewwel taqsima, Florin Anton naqas l-iskor għal-Luxol, iżda immedjatament Mohammed Elamari skurja għal Valletta. Fl-aħħar minuta Dejan Bizjak skurja hu wkoll u hekk intemmet l-ewwel taqsima.

Ta’ min jgħid li Luxol għal ħinijiet twal tefgħu kollox fuq l-attakk bi Frane Despotovic u Florin Anton li lagħbu bħala flying keepers. Din il-mossa ma ħadmitx tajjeb, tant li l-Beltin komplew jiskurjaw aktar gowls. Di Maio kellu tripletta personali, filwaqt li Dylan Musu u Cristian Cuadros Silva ssiġġillaw ir-rebħa Beltija u  għamlu l-iskor finali ta’ 7-1 .

Qabel din il-logħba, Hamrun Spartans kellhom rebħa kbira ta’ 12-5 fuq Sliema Wanderers. Fl-ewwel taqsima s-Slimiżi kienu tajbin iżda l-Ħamruniżi kellhom diġa vantaġġ ta’ ħames gowls.

Fis-seba’ minuta Peter Pullicino fetaħ l-iskor u Jason Mifsud ftit tas-sekondi wara għamilhom 2-0. Raphinha reġa kien il-protagonista prinċipali hekk kif skurja ħames gowls f’din il-logħba. Rodrigo Ticz Patrcio skurja wkoll minn penalti, flimkien mad-doppjetta ta’ Juan Losada Teruel u gowl ta’ Daniel Mifsud.

Il-gowls Slimiżi waslu minn Alan Galea, Josh Perry u tripletta ta’ Aleksander Ribic.

F’aktar riżultati kellna dro missielet bejn Lija Athletic u Swieqi United bl-iskor ta’ 4-4. Msida għelbu lil Marsascala bl-iskor ta’ 4-3. Zebbug Rangers kellhom rebħa tajba fuq Mdina Knights bl-iskor ta’ 6-3. Gozo ħadu l-ewwel punt tal-istaġun fi dro ta’ 4-4 kontra Mqabba. Kellna dro ieħor ta’ 1-1 bejn Qrendi u Sirens.

B’hekk Luxol, Valletta, Ħamrun, Lija, Swieqi u Msida għamluha għall-Elite Round, filwaqt li Zebbug, Sirens, Sliema, Mqabba, Marsascala, Mdina, Qrendi u Gozo se jilagħbu fl-Ewwel Diviżjoni.

Mument waqt il-logħba bejn Valletta u Luxol


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/futsal-valletta-jahsdu-lil-luxol/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.