Futsal: Tkompli l-mixja rebbieħa ta’ Ħamrun, Luxol u Valletta

Wednesday, December 23, 2015, 14:16

Gavin Muscat

Fil-Gatorade Futsal League kellna lit-tliet timijiet ta’ fuq Ħamrun, Luxol u Valletta li baqgħu għaddejjin bit-triq tar-rebħ.

Ħamrun għelbu lil Qrendi bl-iskor impressjonanti ta’ 22-3 bil-protagonista Raphinha jiskorja tmien gowls. Lanqas Luxol ma sabu diffikulta’ sabiex jirbħu u jiddominaw lil Marsaskala bl-iskor ta’ 17-1.

Fil-partita prinċipali Valletta għelbu lil Swieqi bl-iskor ta’ 7-1.

Madankollu f’waħda mill-isbaħ logħbiet li kellna s’issa fil-Kampjonat, Msida u Sirens spiċċaw fi dro ta’ 5-5.

Msida kellhom pussess qawwi tal-ballun għalkemm fallew diversi ċansijiet lejn il-lasta.

Min-naħa tagħhom Sirens  bdew joperaw bil-kontrattakki fejn kellhom lil Ryan Gilmour Cassar f’vena mill-aqwa hekk kif skorja hat-trick.

Fl-aħħar mumenti tal-partita, hekk kif l-iskor kien 5-3 favur Sirens, il-kowċ ta’ Msida Kevin Agius, daħħal lil Matthew Dingli bħala l-flying keeper u din il-mossa kienet waħda fundamentali hekk kif il-Misidjani pressaw u sabu l-gowl tad-dro drammatiku proprju mill-istess Dingli.

Cassar skorja tliet għal Sirens b’Leonard Zammit u George Chircop jiskorjaw il-gowls l-oħra għat-tim minn San Pawl il-Baħar.

Ryan Xuereb, Matthew Dingli, Herbert Spiteri, Armando Gjepali and Diones Mendes da Silva  skorjaw għall-Imsida.

F’partita oħra ferm tajba, Mqabba reġgħu rritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Mdina Knights 4-2.

Kienu Mdina li fetħu l-iskor permezz ta’ Neil Cauchi sabiex Steve Falzon ġab id-dro għall-Imqabba.

Miguel Alcaraz poġġa lill-Imqabbin fil-vantaġġ sabiex Thomas Consoli żied ieħor.

Mdina naqqsu l-marġni tal-iskor mill-attakkant prolifiku tagħhom Cleavon Portelli sabiex Borja Lopez Fernandez issiġġilla r-rebħa finali għall-Imqabba.

Fil-Klassifika tal-Gatorade Futsal League, insibu lil Ħamrun, Valletta u Luxol fl-ewwel post bi 15-il punt segwiti minn Msida SJ b’għaxar punti. Lija u Swieqi għandhom disa’ punti, Sirens seba’ punti, Mdina Knights, Żebbuġ Rangers u Mqabba b’sitt punti. Sliema Wanderers b’logħba anqas għandhom tliet punti. Gozo li wkoll b’logħba anqas, Marsaskala u Qrendi għadhom mingħajr ebda punt.
—————————————————————————————————————————————————————————————————————–

Gallery

Raphinha l-awtur tat-tmien gowls minn 22 li skurjaw Ħamrun kontra Qrendi

—————————————————————————————————————————————————————————————————————–

Dro ta' 5-5 bejn Msida SJ u Sirens

—————————————————————————————————————————————————————————————————————–

Despotovic l-awtur ta' tripletta fir-rebħa li Luxol kellhom ta' 17-1 fuq Mscala

—————————————————————————————————————————————————————————————————————–

Wieħed mill-gowls li Mqabba kellhom fir-rebħa tagħhom kontra Mdina Knights





Leave a comment