Futsal: Tasal l-ewwel telfa għall-Valletta

Monday, February 15, 2016, 19:26

Gavin Muscat

Matul il-ġimgħa li għaddiet intlagħbet it-tmien ġurnata tal-Gatorade Futsal League bil-partitissima tkun dik bejn Valletta u Lija Athletics, logħba ferm sabiħa u akkanita bir-riżultat inċert sal-aħħar.

Kienu finalment Lija li taw l-ewwel telfa lil Valletta hekk kif rebħulhom 3-2.

Il-Beltin marru fil-vantaġġ kmieni fil-partita permezz ta’ Cristian Cuadros Silva li ħa vantaġġ minn indeċiżjoni fid-difiża sabiex tefa’ l-ballun fix-xibka għal 1-0.

Bl-ewwel taqsima tagħlaq b’Valletta 1-0 minn fuq.

6 minuti mill-bidu tat-tieni taqsima u t-tim mill-Kapitali jagħmluhom tnejn wara azzjoni tajba ta’ Jovica Milijic, dan baqa’ javvanza u b’xutt fil-baxx tefa’ wara Matthew Xerxen għal 2-0.

Dan il-gowl altru milli qata’ qalb Lija Athletics tant illi huma naqqsu l-marġni tal-iskor.

Kellna frikik mogħti minn Massoudi li ta lil Gary Inguanez li mingħajr ma qagħad jaħsibha spara l-ballun fix-xibka għal 2-1.

Hawn Lija bdew jattakkaw bil-gowlkiper Belti Neil Cuschieri li kellu jsalva diversi blalen indirizzati lejn il-lasta tiegħu.

U hawn daħal fix-xena l-akkwist il-ġdid ta’ Lija, l-Albaniż Endrit Kaca li fi ftit minuti biddel l-andament tal-logħba b’doppjetta personali bil-gowl tar-rebħa jasal minuta u għaxar sekondi minn tmiem il-konfront.

Hamrun Spartans min-naħa tagħhom komplew għaddejjin minn mument pożittiv meta għelbu lil Mqabba 13-7.

Raphinha u Frendo skorjaw hat-trick kull wieħed, b’Rodrigo, Daniel Mifsud u Jason Mifsud awturi ta’ doppjetta personali b’Michel Melo jżid ieħor għall-Ispartans.

Mqabba rrispondew permezz ta’ hat-trick ta’ Rodo u doppjetti ta’ Grech u Lopez Fernandez.

Luxol baqgħu b’punti massimi f’dan il-Kampjonat wara li għelbu lill-Imsida bl-iskor ta’ 11-1 bil-gowls jaslu minn hat trick ta’ Florin Anton, doppjetti ta’ Glenn Bonello, Celino Alves u Mark Zammit u gowl kull wieħed għal William Barbosa u Karl Azzopardi.

F’aktar riżultati kellna lil Zebbug jegħlbu lil Gozo 5-2, Qrendi kisbu l-ewwel rebħa fil-Kampjonat wara riżultat ta’ 12-3 kontra Marsascala filwaqt li Sirens għelbu lil Sliema 2-1.

Fl-aħħarnett Swieqi komplew bit-taqtiegħa tagħhom sabiex jispiċċaw fl-ewwel sitt postijiet tal-klassifika wara rebħa ta’ 12-1 fuq Mdina.

Fil-klassifika naraw lil Luxol fl-ewwel post tal-klassifika b’24 punt, żewġ punti warajhom Ħamrun bi 22, jsegwu Valletta b’19, Lija u Swieqi bi 18.

Fin-naħa t’isfel Gozo għadhom qed ifittxu l-ewwel punti tagħhom wara tmien ħarġiet.





Leave a comment