Futsal: Sliema Wanderers u Msida SJ konfermati fil-Finali tal-Ewwel Diviżjoni

Tuesday, June 13, 2017, 11:57

Mis-semifinali tal-playoffs tal-Ewwel Diviżjoni, Sliema Wanderers u Msida SJ ikkonfermaw posthom fil-finali, li hi skedata għal nhar il-Ħamis 15 ta’ Ġunju fit-8pm, fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin.

Fl-ewwel semifinali, Sliema Wanderers ħarġu rebbieħa fuq Qormi bl-iskor ta’ 5-2. B’hekk is-Slimiżi wara li rebħu l-logħbiet kollha tal-Ewwel Diviżjoni, għamluha wkoll għall-finali.

Fil-ftuħ tal-ewwel taqsima s-Slimiżi kienu aktar offensivi u mpenjaw mhux ftit lill-gowlkiper ta’ Qormi Roderick Mascena. Fis-sitt minuta Qormi kellhom kontrattakk veloċi li rrisponda ferm tajjeb il-gowlkiper Slimiż Brandon Debono. Minuta wara Aleksander Ribic b’xutt xi ftit bid-dawra laqat il-laqat il-lasta l-wieqfa. Ftit tal-ħin wara anki George Falzon kellu ċans tajjeb għal Qormi. Erba’ minuti mit-tmiem tal-ewwel taqsima Radovan Duric avvanza tajjeb u mix-xutt tuegħu laqat sieq il-lasta. B’hekk l-ewwel taqsima ntemmet fi dro ta’ mingħajr gowls.

Fl-ewwel minuta tat-tieni taqsima Uros Markovic b’xutt ferm b’saħħtu fetaħ l-iskor għal Wanderers. Ftit tal-ħin wara kien il-plejer kowċ Aleksander Ribic li irdoppja l-iskor. Tmien minuti mit-tmiem ta’ dan il-konfront James Tabone naqas l-iskor għal Qormi. Sitt minuti mit-tmiem, mit-tieni penalty spot Ryan Gilmour Cassar tefa’ ferm għoli u tilef iċ-ċans li jiskurja l-gowl tad-dro. Minuta wara kien l-istess Cassar li skurja l-gowl tad-dro u reġa’ qawwa t-tamiet tal-Qriema. Kien hawn li s-Slimiżi reġgħu qamu hekk kif Ribic reġa’ poġġa lil Sliema fil-vantaġġ. Nikolay Filipov kompla jkabbar il-vantaġġ u Darren Aithchinson għamel l-iskor finali għal 5-2.

Msida SJ saru l-finalisti avversarji ta’ Sliema Wanderers hekk kif għelbu lil Mriehel ESS bl-iskor ta’ 10-2. Sa tmiem l-ewwel taqsima l-Misidjani kienu diġa 5-0 minn fuq. Seba’ minuti mit-tmiem tal-ewwel taqsima, George Frendo fetaħ l-iskor meta rċieva tajjeb mingħand Mohammed Lamari. B’reazzjoni ta’ dan il-gowl, Mriehel ESS kienu viċin li jġibu d-dro meta Ayoub Ahmed ra x-xutt tiegħu jaħbat mal-lasta l-mimduda u devjat f’corner mill-gowlkiper Misidjan Bernard Camilleri. Erba’ minuti mit-tmiem tal-ewwel taqsima Armando Djepali irdoppja l-iskor għall-Imsida. Żewġ minuti wara Mohammed Lamari għamilhom 3-0. Fl-aħħar sekondi Ryan Xuereb u Floren Manea skurjaw żewġ gowls oħra għal Msida SJ.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima Ayrton Duncan kien viċin li jiskurja għal Mriehel ESS meta laqat il-lasta. Aktar tard kien George Frendo li kompla jkabbar il-vantaġġ Misidjan. Kien hawn li Mriehel ESS ippruvaw iwettqu reazzjoni bil- gowls ta’ Ayoub Ahmed u Kamal Edgeli. Għaldaqstant reġgħu kienu Mohammed Lamari, Armando Djepali, Florin Manea u Herbert Spiteri li ssiġġillaw ir-riżultat finali ta’ 10-2.

Pics credits, Joe Borg





Leave a comment