Futsal: Sliema Wanderers jerġgħu jirbħu l-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni

Monday, June 19, 2017, 11:18

Mill-ewwel diviżjoni, kellna finali ferm interessanti bejn Sliema Wanderers u Msida SJ. Is-Slimiżi reġgħu rebħu l-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni għat-tieni sena konsekuttiva meta ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 6-5.

Ftuħ mill-aqwa għall-Wanderers li fl-ewwel minuta kisbu vantaġġ doppju permezz ta’ Nikolay Fiipov u Christian Micallef. Fit-tieni minuta il-Misidjani naqsu l-iskor permezz ta’ Mohammed Lamari. Ftit tal-minuti wara reġa’ kien l-istess Lamari li ġab l-iskor indaqs. Il-logħba kompliet tisbieħ, tant li Msida rnexxielhom imorru fil-vantaġġ permezz ta’ Chris Cardona. Daqs minuta wara, Paul Bugeja ġab id-dro għal Sliema. Lejn it-tmiem l-ewwel taqsima, Herbert Spiteri poġġa lill-Misidjani fil-vantaġġ u baqgħu hekk sal-ħin tal-mistrieħ.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, il-plejer kowċ Aleksander Ribic reġa’ gab id-dro għal Sliema. Wara li ż-żewġ timijiet damu ħin twil bl-iskor ta’ 4-4, Ribic skurja t-tieni gowl personali u ġiegħel lil sħabu jibqgħu jemmnu fihom infushom. Aktar tard kien imiss lil Radovan Duric li rnexxielu jkabbar il-vantaġġ għal Sliema Wanderers. Meta kien fadal biss disa’ sekondi, Ryan Xuereb naqqas l-iskor finali għal 6-5.

Wara tmiem dan il-konfront, iż-żewġ settijiet ta’ plejers ingħataw il-midalji kommemorativi. Fl-aħħarnett kien imiss lill-captain Slimiż Alan Galea li għolla t-tazza fost il-ferħ meritat ta’ sħabu u l-partitarji preżenti ta’ Sliema Wanderers.





Leave a comment