Futsal: Serbja tegħleb lil Malta fil-ftuħ tat-turnament internazzjonali

Monday, December 1, 2014, 22:09

Wara ħafna xhur ta’ ħidma mill-Futsal Malta Association, ingħata bidu għar-raba’ turnament internazzjonali tal-futsal, fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin.

Dan it-turnament qed iservi bħala test qawwi għat-tim nazzjonali Malti ġdid, qabel impenji oħra uffiċjali organizzati mill-UEFA.

Il-logħba inawgurali kienet dik bejn Malta u s-Serbja, fejn is-Serbi ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 4-1.

Fl-ewwel minuta il-captain Serb Mladen Kocic fetaħ l-iskor u Vladimir Milosavac kompla kabbar il-vantaġġ billi skurja żewġ gowls oħra.

Żewġ minuti mit-tmiem tal-ewwel taqsima, il-viċi captain Malti Nicola Delre ħa vantaġġ minn żball ta’ plejer Serb u meta ġie wiċċ imb’wiċċ mal-gowlkiper Serb Aleksa Antonic, tefa’ l-ballun fix-xibka.

Għal ħin twil fit-tieni taqsima, l-Maltin ddefendew tajjeb l-iskor ta’ 3-1, kienu aktar perikoluzi u laqtu darbtejn il-lasta.

Fl-aħħar ħinijiet tal-logħba reġa’ kien Kocic li għalaq l-iskor ta’ 4-1.

Illejla fis-6:30pm, it-turnament ikompli bit-tim nazzjonali Serb li jiltaqa’ kontra t-tim nazzjonali ta’ Ġibiltà.

It-tim nazzjonali Malti jerġa jkun fl-azzjoni nhar it-Tnejn fis-6:30pm kontra Ġibiltà.





Leave a comment