Futsal: Rimonta eċċezzjonali għal Hamrun Tre Angeli fir-rebħ tan-Knock Out

Monday, June 19, 2017, 10:40

Ftit ġranet wara li Luxol saru ċ-ċampjins il-ġodda tal-kampjonat tal-Elite, kellhom jisfaw eliminati mill-istess Valletta. Din id-darba Valletta ġabu fix-xejn lil Luxol u għaddew għall-finali tan-Knock Out meta ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 7-2. Il-Beltin li kienu ferm iktar determinati, sabu x-xibka permezz tad-doppjetti ta’ Denis di Maio u Rodrigo Ticz Patricio u gowl kull wieħed għal Melvin Borg, Jovica Milijic u Daniel Jesus Aguilera Puerto. Luxol naqsu d-distakk bil-gowls ta’ Andy Mangion u William Barbosa.

Fis-semifinali l-oħra, Hamrun Tre Angeli kellhom rebħa komda ta’ 10-3 fuq Marsascala Construct Furniture. Għall-Ħamruniżi spikka Florin Anton li kellu prestazzjoni tajba u wettaq tripletta personali. Cleaven Portelli u Peter Pullicino skurjaw darbtejn, flimkien mal-gowls ta’ Alexander Ellul, James Ciangura u Daniele Degennaro. It-tliet gowls għal Marsascala waslu mingħand Steve Gambin, Liam Gauci u Reuben Degabriele.

B’hekk fil-finali kellna konfront ferm interessanti bejn Valletta u Hamrun Tre Angeli. Ir-riżultat finali kien wieħed li qatt ħadd ma basar. Anki l-istess plejers u diriġenti ta’ Hamrun Tre Angeli kienu sorpriżi u għaldaqstant ferm sodisfatti li rebħu l-finali ta’ din il-kompetizzjoni.

Sa’ tmiem l-ewwel taqsima, il-Beltin kienu fil-vantaġġ bl-iskor ta’ 4-3. Sa’ mill-ewwel battuti l-Beltin impenjaw għal bosta drabi lill-gowlkiper Ħamruniż Matthew Mifsud, li kien qed jilgħab l-aħħar logħba tal-karriera tiegħu fil-futsal. Madwar ħames minuti milgħuba, minn azzjoni konfuża l-Brażiljan ta’ Valletta Raphael Felipe Ortiz de Oliveira (Raphinha) minn mal-art irnexxielu jiftaħ l-iskor. Wara żewġ tentattivi oħra ta’ Raphinha li ġew salvati minn Mifsud, kien imiss lil Jovica Milijic li irdoppja l-iskor għal Valletta. Ftit tal-ħin wara Denis Di Maio li kien f’pożizzjoni xi ftit angulata tefa’ l-ballun fix-xibka u sa dak il-ħin għamilhom 3-0 għal Valletta. Minuta wara Luke Stivala naqqas l-iskor għall-Ħamruniżi li bdew jemmnu aktar fihom infushom. Għaldaqstant l-Beltin komplew ikomplu ikabbru l-vantaġġ, meta Daniele Degennaro sfortunatament spiċċa tefa’ l-ballun fix-xibka wara l-gowlkiper sieħbu stess. Fl-aħħar minuti tal-ewwel taqsima l-Ħamruniżi għollew rashom u skurjaw żewġ gowls oħra permezz ta’ Degennaro u Stivala.

Fit-tieni taqsima l-Ħamruniżi taw qalbhom u dehru ċari l-intenzjonijiet tagħhom li jirbħu din il-finali. Wara minuta u nofs milgħuba, il-captain Jason Mifsud għamel l-iskor indaqs ta’ 4-4. Madwar seba’ minuti wara, Degennaro reġa’ skurja u poġġa lil Hamrun Tre Angeli għall-ewwel darba fil-vantaġġ. Ftit wara l-Beltin reġgħu dawru r-riżultat favurihom. Minn xutt ta’ Musu, Mifsud laqa’ parzjalment u mir-rebound Milijic reġa’ ġab l-iskor indaqs. Minuta u nofs wara Daniel Jesus Aguilera Puerto rega’ qiegħed lill-Beltin fil-vantaġġ. Fl-aħħar sitt minuti l-Ħamruniżi wettqu rimonta eċċezzjonali li waslithom biex jogħlu t-tazza. Degennaro għaqqad tripletta personali u ġab id-dro għal 6-6. Peter Pullicino minn azzjoni tajba xeħet il-ballun fir-rokna tax-xibka u reġa’ poġġa lil Ħamruniżi fil-vantaġġ. Disa’ sekondi mit-tmiem, waqt li l-Beltin tefgħu kollox fuq l-attakk b’Xavier Saliba bħala flying keeper, il-gowlkiper Ħamruniż Matthew Mifsud kien pront min-naħa għall-oħra f’lasta vojta, sabiex issiġġilla l-iskor finali ta’ 8-6.

Wara t-tisfira finali, il-plejers ta’ Hamrun Tre Angeli flimkien mal-istaff tekniku ferħu b’xulxin u fuq kollox bit-tazza li ġiet mogħtija lilhom mit-Teżoriera tal-FMA s-Sinjura Mireille Vella.

Din il-finali ġabet fi tmiemu staġun ieħor ta’ futsal u kienet ukoll l-aħħar logħba ikkontrolata mir-referi internazzjonali Franco Cachia. Fil-fatt huwa ngħata rikonoxximent xieraq mid-diriġenza tal-Malta Football Referees Association.





Leave a comment