- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Futsal: Rebħa fl-aħħar għal Luxol u Balzan tħabtu għar-rebħa

Posted By Sportinmalta On October 23, 2014 @ 7:00 pm In Featured,Futsal | No Comments

Gowl drammatiku ta’ Karl Saliba, meta kien fadal 4.1 sekondi għall-tmiem il-partita, ta r-rebħa ta’ 4-3 ta’ Luxol fuq Valletta.

Xejn ma kienet logħba faċli għat-tim minn St.Andrews, li tilfu diversi okkażjonijiet ta’ gowl, filwaqt li Valletta kienu oppożizzjoni denja tul il-partita kollha.

Kienu Valletta li fetħu l-iskor, wara biss tliet minuti permezz ta’ Denis Di Maio.

Kien hawn li Luxol ipproduċew reazzjoni solida u mpenjaw ħafna lil gowlkiper Belti Matthew Mifsud, li laqa’ tajjeb iċ-ċansijiet ta’ Barbosa u Celino Alves.

Iżda Luxol baqgħu ġejjin, sakemm fir-raba’ minuta Barbosa ġab id-dro għal Luxol.

Minn naħa tagħhom Valletta wkoll kellhom logħba tajba ħafna u skurjaw żewġ gowls oħra fid-19 u fil-21 minuta permezz ta’ Melvin Borg u Cedric Sciberras.

Iżda Luxol emmnu li riedu rebħa minn din il-partita u minn 3-1 minn taħt, dawru kompletament ir-riżultat.

Karl Saliba kien il-protagonist prinċipali, li wettaq doppjetta fil-21 minuta u 4.1 sekondi mit-tmiem.

Celino Alves skurja wkoll fit-28 minuta, biex l-iskor finali kien 4-3 favur Luxol.

Qabel il-logħba bejn Valletta u Luxol, kellna lil Balzan li tħabtu mhux ftit biex għelbu lil Qormi bl-iskor ta’ 6-4.

Għal Qormi, doppjetta tal-plejer Albaniż Blendi Gockaj li kien effikaċi ħafna fil-kontrattakki Qriema.

Balzan irrispondew b’gowl ta’ Glenn Bonnello u doppjetti għal Boycho Marev u Nicola del Re u gowl ukoll għal Mark Zammit.

Għal Qormi skurjaw ukoll Diones Paulo Mendes da Silva u Darren Agius.

Il-Ħamis kellna logħba oħra mill-kampjonat Premier, fejn Swieqi United itrritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Gzira United 7-3.

Għal Swieqi, tripletta ta’ Fredrick Johansson u gowl kull wieħed għal Zvezdan Vukovic, Martin Sammut, Dario Zampa u Andrew Camilleri Kamsky.

Filwaqt li l-gowls ta’ Gzira waslu mill-koppja Taljana Alessio Restuccia li kellu doppjetta personali u gowl għal Aurelio Burgio.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/futsal-rebha-fl-ahhar-ghal-luxol-u-balzan-thabtu-ghar-rebha/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.