Futsal: Msida SJ jiksbu l-promozzjoni fil-Kampjonat Premier

Thursday, May 7, 2015, 22:59

Msida SJ u Naxxar Lions għalqu staġun mill-aqwa tal-Ewwel Diviżjoni bil-Misidjani li kisbu l-promozzjoni għall-Premier.

Finali mill-aktar missielta, bejn żewġ timijiet li kellhom staġun ferm pożittiv u li ntemmet bil-ħin barrani.

Fir-raba’ minuta Ryan Mifsud fetaħ l-iskor għal Naxxar Lions wara li rċieva tqassima preċiża ta’ Daniel Brincat.

Msida St Joseph kisbu lura l-parità permezz ta’ penalti mogħti tajjeb minn Zvezdan Vukovic.

L-istess Vukovic fl-14-il minuta ħawwad lid-difiża Naxxarija u ta ballun lil Chris Cutajar, li minnu Msida marru fil-vantaġġ.

Matul l-ewwel taqsima il-gowlkiper Naxxari Gabriel Mansueto kien kontinwament impenjat, fejn wettaq diversi salvataġġi importanti.

Iżda Mansueto fis-17-il minuta kellu jbaxxi rasu għal Aleksander Kristonijevic li bix-xutt tiegħu sab ix-xibka u għamilhom 3-1.

Għaldaqstant Naxxar ma qatgħux qalbhom u naqsu d-distakk qabel tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ Kurt Baldacchino li rċieva tajjeb mingħand Adrian Fenech.

Fit-tieni taqsima, il-logħba kienet ferm bilanċjata biż-żewġ gowlkipers li kienu l-protagonisti tal-ġurnata.

Naxxar ħadu vantaġġ minn żball difensiv tal-Misidjani u Daniel Brincat ġab id-dro.

Iżda Herbert Spiteri kien pront li skurja mill-viċin minn korner mogħti perfettament minn Vukovic.

Minn naħa tagħhom Naxxar baqgħu ġejjin u reġa kien Ryan Mifsud li ġab id-dro u għeleb lil Keith Cassar Jackson. Dan il-gowl drammatiku poġġa liż-żewġ timijiet għall-ħin barrani.

Fil-ħin barrani, Naxxar tilfu żewġ ċansijiet kbar minn Wismayer u Fenech li kellhom żewġ freeshots konsekuttivament.

F’kontrattakk veloċi, Kristonijevic skurja l-ħames gowl Misidjan u immedjatament Ryan Mifsud reġa’ ġab id-dro għal Naxxar.

Wara li Kurt Azzopardi kien sfortunat u laqat il-lasta, Marian Gologan seraq il-ballun li minnu skurja l-gowl tas-6-5 għall-Imsida.

Kien hawn li l-kowċ Naxxari Carlo Scicluna tefa’ lil Christian Wismayer bħala flying keeper biex jagħmel iktar pressjoni fl-attakk.

Iżda din il-bidla tattika ma ħallitx il-frott mixtieq hekk kif il-lasta vojta kienet ċans kbir għal Aleksandar Kristonijevic li skurja ż-żewġ gowls li taw ir-rebħa lil Msida SJ.

Wara tmiem din il-finali, ma naqasx il-ferħ tat-tim kollu ta’ Msida SJ li issa ġew promossi flimkien maċ-Ċampjins Lija Athletic u ma’ Mellieħa biex jieħdu sehem fil-Kampjonat Premier tal-istaġun li jmiss.





Leave a comment