Futsal: Mqabba mat-timijiet il-kbar fis-semifinali

Friday, March 11, 2016, 12:51

Gavin Muscat

Matul din il-ġimgħa kellna waqfa mill-Kampjonat sabiex intlagħbu l-kwarti tal-finali tal-Gatorade Knockout fejn rajna lil Luxol, Ħamrun, Mqabba u Lija javvanzaw għas-semifinali ta’ din il-kompetizzjoni.

Fl-ewwel logħba li kienet l-aktar waħda mistennija, Luxol għelbu lil Valletta bl-iskor ta’ 2-1. Dan kien it-tieni konfront fi żmien ġimgħa bejn dawn iż-żewġ timijiet hekk kif fil-kampjonat il-Beltin kienu rebħu 7-1. Madankollu f’din il-kwarti finali, Luxol kienu ferm għatxana li jiksbu post fis-seminfinali u wara li sabu ruħhom gowl minn taħt, ma qatgħux qalbhom u fit-tieni taqsima rnexxielhom idawwru telfa f’rebħa.

Fil-fatt kien it-tim mill-Kapitali li marru fil-vantaġġ permezz ta’ Cristian Cuadros Silva. Minkejja kollox, Luxol baqgħu kalmi u fil-bidu tat-tieni taqsima ġabu d-dro permezz ta’ Clint Cope wara azzjoni ferm veloċi. Tmien minuti wara, Luxol skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa permezz ta’ Carlo Scicluna.

Fit-tieni logħba, kontra kull mistenni Mqabba eliminaw lil Swieqi United meta rebħulhom 8-2. Wara li Swieqi marru fil-vantaġġ permezz ta’ Boicho Marev, kulħadd kien qed jaħseb f’rebħa komda. Iżda ma kinux tal-istess parir Mqabba li mhux talli qalbu r-riżultat, talli skorjaw tmienja f’daqqa permezz ta’ hat-trick ta’ Miguel Alcaraz, doppjetta ta’ Ryan Mifsud u gowl kull wieħed għal Robert Magro, Borja Lopez Fernandez u awtogowl ta’ Christian Wismayer.

Ħamrun għelbu lil Sirens 7-2 sabiex ukoll avvanzaw għas-semifinali. Raphinha kien l-awtur ta’ erba’ gowls, b’Madson Caetano, Marwan Terlisi u Michael Spiteri iżidu aktar gowls għall-Ispartans. Roderick Mascena u Ryan Cassar naqqsu l-marġni tal-iskor għal Sirens.

Lija Athlertic ma sabuhiex daqshekk faċli sabiex jegħlbu lil Mdina Knights 9-3. It-tim magħmul mill-istudenti Universitarji taw logħba lil Lija tant li kien biss fl-aħħar li l-Athletic aċċertaw mir-rebħa finali. L-internazzjonali Iranjan, Ebrahim Massoudi skorja poker, Kurt Bartolo doppjetta filwaqt li Andre Henrique, Nicola del Re u Chavi Montes Burgos komplew jiskorjaw għal-Lija. Cleaven Portelli, Ryan Micallef u Gaetano Gesualdi skorjaw għall-Imdina.

Sadanittant matul din il-ġimgħa tibda t-tieni fażi tal-Gatorade Futsal League fejn issa t-timijiet inqasmu f’Elite Round u l-ewwel diviżjoni.

———————————————-

Mill-ewwel diviżjoni jkollna:

It-Tnejn 29/2/16 fit-7:45pm

Sliema vs Qrendi

It-Tnejn 1/3/16 fit-7:45pm

Sirens vs Marsascala

U fid-9:30pm

Mdina vs Mqabba

Il-Ħamis 3/3/16 fit-7:45pm

Zebbug vs Gozo

——————————————–

Mill-Elite Round

Il-Ħamis 3/3/16 fid-9:30

Valletta vs Swieqi

Il-Ġimgħa fit-8:00pm

Luxol vs Msida

Mument waqt il-logħba bejn Mqabba u Swieqi





Leave a comment